Lokali

Hamilton Travel l-aġenzija ‘magħżula’ mill-KOM

Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela li l-biljetti tal-ajru mixtrija mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), u li jammontaw għal mijiet ta’ biljetti kull sena fl-aħħar sentejn, fil-parti l-kbira nxtraw b’direct order mill-aġenzija tal-ivvjaġġar Hamilton Travel. F’terminu ta’ ewro, il-flus minfuqa fix-xiri tal-biljetti tal-ajru jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro kull sena.

Jirriżulta li sa ma bdew dawn l-abbużi, il-prassi użata mill-KOM kienet li jiġbor tliet kwotazzjonijiet mingħand aġenziji tal-ivvjaġġar differenti, bid-deċiżjoni kienet tittieħed skont il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet mogħtija separatament. Dan kien meqjus bħala proċess ġust u trasparenti, tant li qatt ma kien ikun hemm ilmenti li xi aġenzija qed tkun ippreferuta kif qed jiġri bħalissa, fil-każ ta’ Hamilton Travel, li hi viċin ħafna tal-Partit Laburista.

In-Nazzjon fakkar kif Mark Cutajar, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport u Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, li jokkupa wkoll il-kariga ta’ Viċi President tal-KOM, kien ukoll jaħdem part-time u jmexxi t-tours mal-istess Hamilton Travel.