In-Nazzjon b’ritratt tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fl-Università ta’ Malta. Simon Busuttil ilbieraħ iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-għaqdiet SDM u Pulse, hekk kif illum se ssir l-elezzjoni tal-KSU. In-Nazzjon ikompli jiżvela informazzjoni dwar l-istorja li żvolġiet fl-aħħar jiem dwar ix-xiri b’direct orders ta’ biljetti tal-ivvjaġġar mill-Kumitat Olimpliku Malti, li fil-maġġorparti tagħhom inxtraw mill-istess aġenzija … Hamilton Travel, li skont il-ġurnal hi aġenzija viċin ħafna tal-Partit Laburista.
L-Orizzont b’ritratt tal-mijiet li nġabru għall-mixja biex ifakkru lill-vittmi fil-Mediterran. Storja oħra hi dwar persuni li tkellmu ma’ l-Orizzont dwar il-kwalità ta’ xogħol li sar fil-Pjazza tar-Rabat Ghawdex. Hu rrappurtat li n-nies qalu li x-xogħol sar bl-għaġla u hemm diżlivell fil-madum.
The Times ukoll ippubblika ritratt tal-mixja li saret ilbieraħ f’Tas-Sliema b’tifkira tal-vittmi li għerqu l-Ħadd li għadda. Jagħti prominenza wkoll lill-kummenti tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan, li sostna li l-Gvern ta’ Tripli mhux se jaċċetta li l-Ewropa tibbumbardja siti okkupati minn traffikanti tan-nies.
Anke The Malta Independent jippubblika fil-faccata ritratt mill-mixja li saret ilbieraħ filgħaxija b’tifkira tal-immigranti li mietu fl-aħħar jiem. Jagħti prominenza wkoll lill-intervista mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, li qal li hu diżapuntant bil-pjan ta’ 10 punti li qablu fuqhom il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u l-Intern tal-Unjoni Ewropea għax, skont il-Ministru Vella, dawn jitrattaw l-immigrazzjoni minn lenti globali u mhumiex biżżejjed biex jitrattaw it-traġedji li qed iseħħu fil-Mediterran.
//= $special ?>