Lokali

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tar-riċevituri tal-lottu

Meta settur ekonomiku jkun qed jirreġistra tkabbir, hu importanti li dan it-tkabbir jilħaq lil kull min jaħdem f’dak is-settur partikolari.

Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa ma’ rappreżentanti tar-riċevituri tal-lottu mmexxija mill-President tal-Lotto Receivers Union Alfred Muscat u l-President tal-GRTU Paul Abela li magħha hi affiljata l-union tar-riċevituri.

Simon Busuttil kompla li s-settur tal-logħob kiber b’rata mgħaġġla fi ftit snin minn dipartiment li kien jirregola l-lottu pubbliku għal wieħed mill-ikbar setturi fl-ekonomija Maltija. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem mexxa politika biex dan is-settur sensittiv ikun regolarizzat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tieħu nota tal-punti li qed iqajmu tħassib dwar l-għajxien tar-riċevituri.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GRTU Paul Abela qal li l-union se tibqa’ tinsisti biex il-partijiet tal-ftehim tal-konċessjoni tal-logħob bejn il-Gvern u l-kumpanija Maltco li jikkonċernaw lir-riċevituri għandhom ikunu magħrufa. B’kollox hawn 180 riċevitur tal-lottu li jaħdmu bħala self-employed. Meta wieħed iqis lil persuni li jaħdmu part-time, li jieħdu post ir-riċevituri, in-numru jitla’ għal iktar minn 800.