Ewropa Lokali

Il-PPE jinsisti li jkun hemm kwota obbligatorja għal immigranti f’pajjiżi tal-UE

F’laqgħa f’Milan illum, bi preparazzjoni għas-summit Ewropew, il-Partit Popolari Ewropew iddeċieda li jinsisti li l-pajjiżi membri tal-UE għandhom jintrabtu li jsegwu kwota biex jipprovdu solidarjetà mal-immigranti u r-refuġjati.

L-Ewroparlamentari Manfred Weber, Chairman tal-PPE, qal li mill-kliem l-UE għandha tgħaddi għal azzjoni konkreta. Ħeġġeġ biex ikun hemm mekkaniżmu ta’ solidarjetà biex ir-refuġjati ma jkunux responsabiltà biss ta’ ftit pajjiżi membri. Insista li huma sfida għall-Ewropa kollha kemm hi u għalhekk li l-piż għandu jinqasam.

Iċ-Chairman tal-PPE qal li hu dan is-sinjal li l-PPE qed jibgħat minn Milan u hu dak li se jkun qed jimbotta fi Brussell.

Weber insista li s-summit ma jistax ikun biss laqgħa fejn il-mexxejja jiltaqgħu għal ritratt. Jeħtieġ li jagħti tweġibiet b’saħħithom bi prijorità tingħata lil missjonijiet ta’ salvataġġ, it-tisħiħ tal-Frontex, u missjoni ħolistika biex jissaħħu l-kontrolli tal-fruntieri tal-UE.

Insista wkoll li għandhom jittieħdu passi biex tikber il-ġlieda kontra t-traffikanti u tissaħħa il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi fil-Mediterran u l-pajjiżi ta’ oriġini tar-rifuġjati.

Weber spjega li l-PPE jistenna lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta strateġija komprensiva dwar l-immigrazzjoni f’Mejju li ġej, imma l-istati membri għandhom jibdew jimplimentaw ir-regolamenti ġodda dwar l-ażil u ma jibqgħux jipposponu.