Ekonomija Lokali

Importanti li tkabbir f’settur ekonomiku jilħaq lil kulmin jaħdem fih – Simon Busuttil

Meta settur ekonomiku jkun qed jirreġistra tkabbir, hu importanti li dan it-tkabbir jilħaq lil kulmin jaħdem f’dak is-settur partikolari. Sostna dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa ma’ rappreżentanti tar-Riċevituri tal-Lottu, immexxija mill-President tal-Lotto Receivers Union Alfred Muscat u l-President tal-GRTU Paul Abela, li magħha huma affiljati r-Riċevituri tal-Lottu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li s-settur tal-logħob kiber b’rata mgħaġġla fi ftit snin u minn Dipartiment li kien jirregola l-Lottu Pubbliku illum hemm Awtorità li tirregola wieħed mill-akbar setturi fl-ekonomija Maltija. Qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem mexxa politika biex dan is-settur sensittiv ikun regolarizzat. Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tieħu nota tal-punti li qed iqajjmu tħassib dwar l-għixien tar-Riċevituri.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GRTU qal li l-union se tibqa’ tinsista biex il-partijiet li jikkonċernaw lir-riċevituri mill-Ftehim tal-Konċessjoni tal-Logħob bejn il-Gvern u l-kumpanija Maltco għandhom ikunu magħrufa. B’kollox hawn 180 Riċevitur tal-Lottu li jaħdmu bħala self-employed. Meta wieħed iqis lill-persuni li jaħdmu part-time u li jieħdu post ir-Riċevituri, in-numru jitla’ għal aktar minn 800.

Takkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming Kristy Debono.