Lokali Unjoni Ewropea

Is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni “trid tinbidel issa” – il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni

Is-sitwazzjoni trid tinbidel issa. Dan kien il-messaġġ dirett u ċar mill-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni Dimitris Avramopoulos waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Berġa ta’ Kastilja ftit tal-ħin wara tmiem iċ-ċerimonja għall-24 minn fost mijiet ta’ vittmi tal-għarqa tal-immigranti fil-Mediterran.

Avramopoulos kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru Malti Louis Grech, mill-Ministru Taljan tal-Intern Angelino Alfano u mill-Ministru Griek għas-Solidarjetà Theano Fotiou. Fid-diskors tiegħu, Avramopoulos elenka l-Pjan ta’ Azzjoni mmedjat dwar il-problema tal-immigrazzjoni li l-Mexxejja Ewropej kienu msejħa jiddiskutu waqt Summit fi Brussell.

Fuq kollox, il-Kummissarju Ewropew wissa’ li issa l-Unjoni Ewropea trid timxi minn Pjan ta’ Emerġenza fl-immedjat u tħares lejn soluzzjonijiet fit-tul.

Id-Deputat Prim Ministru Malti Louis Grech ukoll kompla mal-messaġġ ta’ Avramopoulos, fejn qal li jekk mhux se tittieħed azzjoni, iċ-ċerimonja li saret għal dawn il-vittmi tal-immigrazzjoni tkun inutli u se tibqa’ tkun ripetuta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Taljan tal-Intern Angelino Alfano qal li dan hu t-tieni Funeral ta’ immigranti li attenda għalih, u ddeskrivieh bħala daqqa ta’ ponn fl-istonku għal dawk li dejjem injoraw din il-problema.

Il-Ministru Griek għas-Solidarjetà Theano Fotiou qalet li dak li seħħ illum f’Malta hu messaġġ ċar lill-kumplament tad-dinja. Din mhijiex problema ta’ Malta, l-Italja u l-Greċja biss, iżda problema li kulħadd irid jerfa’ għax il-Mediterran għandu jkun Baħar ta’ Solidarjetà, u mhux Qabar tal-Massa. Qalet li wara ċ-ċerimonja tal-lum, tinsab devastata b’dak kollu li qed iseħħ.