Lokali

Is-Summit bejn il-mexxejja tal-UE : Mistennija ġlieda ikbar lit-traffikanti

Wara laqgħa ta’ erba’ sigħat bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea lbieraħ f’summit straordinarju dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni, ma kien hemm ebda żblokk importanti u ebda sorpriża minn dak li kien qed ikun rappurtat aktar kmieni.

Kif kien previst, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea mxew fuq l-istess linja tal-pjan ta’ għaxar punti, maqbul bejn il-Ministri tal-Intern tal-UE fl-aħħar jiem, pjan li hu simili ħafna għall-konklużjonijiet ta’ Kunsill ieħor li kien sar f’Ottubru tal-2013, ftit jiem biss wara t-traġedja ta’ Lampedusa.

Hekk kif tħabbar dak li qablu dwaru l-mexxejja Ewropej, ħafna ddeskrivew il-pjan bħala biss wirjiet kożmetiċi u eżerċizzju biex juri li l-UE qed tagħmel xi ħaġa meta fil-fatt, b’mod konkret, ma jfissru xejn ġdid.

Fi tmiem il-laqgħa tal-mexxejja, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal li r-riżultat wara din il-laqgħa hu “dak li stennejna”. Sostna li se jkunu attwati ideat li kien hemm qbil dwarhom żmien ilu u li dan is-Summit straordinarju wara t-traġedja tal-ġimgħa li għaddiet fil-baħar Mediterran, wera sinjal politiku li l-Ewropa lesta taġixxi dwar it-traffikanti, li sostna, huma ċrieki organizzati ħafna.

Sostna li wieħed mill-aktar punti importanti li l-mexxejja qablu dwaru hu dak li se jkunu identifikati d-dgħajjes u dawn jinqerdu. Sostna li dan irid isir skont il-liġi internazzjonali, u għaldaqstant se ssir riżoluzzjoni man-Nazzjonijiet Uniti, li:

1. Jissaħħu l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ konġunti fil-Mediterran u titkabbar iz-zona ta’ tiftix; 

2. Ikun hemm sforz sistematiku biex jinqabdu u jinqerdu l-bastimenti użati mit-traffikanti; 

3. Europol, Frontex, Easo u Eurojust għandhom jaħdmu flimkien biex jiġbru iktar informazzjoni dwar it-traffikanti; 

4. Easo għandha tibgħat skwadri fl-Italja u fil-Greċja fejn jiġu pproċessati applikazzjonijiet għall-ażil; 

5. L-istati membri tal-UE għandhom jassiguraw li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tal-immigranti kollha; 

6. Għandhom jiġu kkunsidrati għażliet oħra għall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ emerġenza; 

7. Għandu jkun hemm proġett pilota fuq bażi volontarja mifruxa mal-UE kollha biex immigranti jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor; 

8. Għandu jkun hemm programm ġdid għal ritorn ta’ malajr għall-immigranti irregolari; 

9. Għandu jkun hemm ħidma ma’ pajjiżi li jdawru lil-Libja; u

10. F’pajjiżi terzi, għandhom jintbagħtu uffiċjali apposta mill-uffiċċji tal-immigrazzjoni biex jiġbru informazzjoni dwar l-influss tal-immigrazzjoni.

Fil-laqgħa tal-mexxejja ġie maqbul ukoll li l-operazzjoni Triton se titrippla u se tkun aktar effettiva, bl-ispiża fuq din l-operazzjoni se tiżdied minn 3 miljun ewro, għal 9 miljun ewro fix-xahar. Il-Prim Ministru sostna li, minkejja dan, xorta mhux biżżejjed, sostna li xorta se jibqgħu jintilfu l-ħajjiet tal-immigranti li jippruvaw jaqsma b’dgħajjes żgħar biex isibu futur aħjar.

Il-Prim MInistru qal li l-pjan maqbul mill-mexxejja se jkun sinjal lit-traffikanti li issa l-komunità internazzjonali qiegħdaa attenta għalihom u se tiġri warajhom. Dwar il-burden sharing, b’risposta għal mistoqsija tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li din mhux fuq l-aġenda, u allura l-pajjiżi mhux se jkunu qegħdin jerfgħu parti mir-responsabbiltà.

Il-Prim MInistru ħabbar ukoll li fis-summit ġie deċiż li aktar tard din is-sena jsir summit speċjali, bejn il-mexxejja Ewropej u l-mexxejja Afrikani, summit li jinvolvi wkoll il-parteċipazzjoni tal-NGO’s. Il-Prim Minisitru Joseph Muscat ma kkummentax meta mistoqsi jekk f’Malta hux se jkun hawn stazzjonat bastiment navali Ingliż.​

Malta u l-Italja qabel il-laqgħa tal-mexxejja, insistew li l-UE tibda twettaq politika konkreta biex tindirizza din l-isfida.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal azzjoni konkreta biex jiżdied is-salvataġġ fil-Mediterran, biex kull pajjiż jerfa’ r-responsabbiltà u jżid ir-riżorsi, u biex ikun hemm strateġija fit-tul għal stabbiltà fil-Libja.