Internazzjonali

Komplew il-bumbardamenti fl-Ukrajna…

Ir-ribelli separatisti fl-Ukrajna bbumbardjaw il-qawwiet tal-Gvern Ukren viċin il-belt ta’ Mariupol, bl-aħħar bumbardamenti jseħħu minkejja l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li kien intlaħaq fi Frar li għadda.

Ingħad li l-bumbardament seħħ minuti biss wara li grupp ta’ osservaturi internazzjonali kienu telqu mill-inħawi.

Aktar qabel, l-Istati Uniti kienet akkużat lir-Russja li mexxiet aktar sistemi għal kontra l-attakki mill-ajru lejn ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant.

Id-Dipartiment tal-Istat f’Washington qal ukoll li r-Russja qed ikollha sehem fit-taħriġ tal-qawwiet separatisti fl-istess inħawi (Ukreni) delikati. Dan waqt li l-awtoritajiet f’Moska qed iżidu l-preżenza tas-suldati tagħhom fl-inħawi tal-fruntiera mal-Ukrajna.

Il-Kremlin ta’ Moska ma weġibx għall-akkużi.