Ewropa Lokali

L-UE trid issaħħaħ il-ġlieda kontra l-mewt tal-immigranti u kontra l-kriminalità organizzata tat-traffikar

Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa’ f’summit urġenti llum, mistenni jiddeċiedi li jżid ir-riżorsi kollha possibbli biex jiġġieled it-telf ta’ ħajjiet ta’ immigranti fil-baħar, jiġġieled il-kriminalità organizzata min-naħa tat-traffikanti u jżid l-għajnuna lill-pajjiżi Afrikani biex immigranti jkollhom dejjem inqas għalfejn jitilqu mill-pajjiż.

L-abbozz ta’ konklużjonijiet li MaltaRightNow għandu kopja tagħhom, jgħid li b’mod immedjat l-UE se tirdoppja r-riżorsi finanzjarji fl-2015 u fl-2016 biex tħaddem il-missjonijiet ta’ salvataġġ ta’ Triton u Poseidon. B’hekk iżżid il-possibiltajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-mandat tal-Frontex.

Se tiġġieled lit-traffikanti billi tikkonfiska l-assi tagħhom, b’azzjoni immedjata mill-istati membri flimkien mal-Europol, il-Frontex, il-European Asylum Support Office li jinsab f’Malta u l-Eurojust. Se żżid ukoll il-ħidma ma’ Pulizija u forzi tal-ordni f’pajjiżi terzi u se ssir ħidma sistematika biex bastimenti li jkunu se jintużaw mit-traffikanti jiġu kkonfiskati u meqruda qabel ma jintużaw.

Il-Europol ukoll se tiġi mitluba tfittex u tordna t-tneħħija ta’ materjal fuq l-internet li jintuża mit-traffikanti biex iħajru lill-immigranti u refuġjati biex iħallu l-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

L-UE se taħdem ukoll biex twaqqaf l-eżodu ta’ immigranti minn pajjiżhom billi żżid l-għajnuna tagħha lil pajjiżi bħat-Tuneżija, l-Eġittu, is-Sudan, il-Mali u n-Niġer biex dawn jagħmlu iktar kontrolli fil-fruntieri. Se tibgħat uffiċċjali responsabbli mill-immigrazzjoni fl-Ewropa biex jistudjaw is-sitwazzjoni fl-Afrika u jaħdmu direttament ma’ awtoritajiet lokali.

Se tgħin biex tiżdied il-kapaċità ta’ partners reġjonali biex jaħdmu huma wkoll fil-qasam tat-tiftix u sigurtà u ħa tniedi programmi ta’ żvilupp reġjonali fl-Afrika ta’ Fuq u fin-naħa tal-lvant tal-Afrika. Fl-istess ħin, se jsir sforz biex immigranti li jinsabu fl-UE mingħajr permess, jittieħdu lura fl-Afrika.

Internament, l-UE se twaqqaf ukoll proġett pilota ta’ qsim tal-piż volontarju li se jwassal biex jiġu rilokati mill-inqas 5,000 persuna li jikkwalifikaw għal protezzjoni.

Trid iżżid l-għajnuna għall-emerġenzi lill-istati membri milquta direttament mill-influss tal-immigrazzjoni u se tibgħat ħaddiema apposta biex f’dawn il-pajjiżi, jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil inkluż ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni mbagħad mistennija jirrappurtaw lill-Kunsill tal-Ewropa f’Ġunju.