Il-kumpanija Liquigas fetħet każ fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija Easygas fuq ksur ta’ drittijiet ta’ propjeta’ minħabba li diversi ċilindri tal-gass propjeta’ ta’ Liquigas qed jinżebgħu bil-kulur ġriż b’mod illegali.
Fi stqarrija, Liquigas qalet li ċ-ċilindri tagħha ta’ kulur aħdar jew isfar qed jinżebgħu illegalment b’kulur griż. Dan mhux biss qed ixekkel lill-kumpannija milli timaniġġja l-istokk tagħha iżda wkoll ixekkel il-proċess biex iċ-ċilindri jinżammu fl-istandard ta’ sigurta’ mitlub mid-Direttiva Ewropea dwar il-ġarr ta’ tagħmir taħt pressjoni (Transportable Pressure Equipment Directive).
L-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi kienet ħarġet cease and desist order kontra Easygas sabiex twaqqaf dan l-aġir illegali u trodd lura ċ-ċilindri lil Liquigas iżda, skont l-istess Liquigas, din l-ordni kienet injorata minn Easygas.
Fid-dawl ta’ dan kollu, tkompli l-istqarrija, Liquigas ma’ kellha ebda triq oħra ħlief li tiftaħ proċeduri fil-Qorti. L-Avukati Stephen Muscat u Louise Sant Fournier iffirmaw ir-rikors ġuramentat.
//= $special ?>