Internazzjonali

Mediċina sperimentali tfejjaq lix-xadini morda bl-Ebola

Xjenzjati bbażati fl-Istati Uniti qalu li mediċina li għadhom qed jesprimentaw fuqha jidher li fejqet ix-xadini infettati bil-virus tal-Ebola.

It-trattament magħruf bħala TKM Ebola-Guinea, jikkonċentra fuq l-element ‘Makona’ tal-virus li kkaġuna l-epidemija qattiela fost ir-residenti fil-pajjiżi Afrikani tal-Punent.

It-tliet xadini suġġetti għat-trattament kienu b’saħħithom ladarba twaqqfu l-provi wara 28 jum. Intant, tliet xadini oħra li mardu bil-virus u li ma ngħatawx il-mediċina sperimentali, mietu wara disat ijiem biss.

Fl-istess ħin, ix-xjenzjati wissew li m’hemm l-ebda prova konkreta li l-mediċina taħdem biex tfejjaq lin-nies morda bl-Ebola. Dan hekk kif fil-preżent ma jeżisti l-ebda tilqim kontra l-Ebola li hu ddikjarat bħala effettiv fil-każi ta’ persuni infettati bil-virus.