Raġel ta’ 46 sena mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin, akkużat b’mill-anqas erba’ każijiet ta’ serq ta’ opri tal-arti minn diversi Knejjes madwar Malta. Is-serqiet seħħew fl-aħħar tliet snin, bir-raġel hu s-suspettat ewlieni wara dan is-serq.
Fost l-affarijiet misruqa hemm pittura mill-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt (ritratt), vażun antik mill-Knisja ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema, pissidi tal-fidda mill-Knisja ta’ Ħal Safi u vażun tal-fidda mill-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt. Hu stmat li l-valur ta’ dawn l-oġġetti jammonta għal eluf ta’ ewro.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-investigazzjonijet, immexxija mill-Cultural Property Crime Section fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, għadhom għaddejjin. Ir-raġel suspettat kien arrestat it-Tlieta filgħodu wara li tfittxija fil-propjetà tiegħu wasslet għas-sejba ta’ numru ta’ opri tal-arti.
//= $special ?>