Internazzjonali

Salvaw aktar immigranti fost l-arresti tas-suspettati traffikanti

Sitt Eġizzjani spiċċaw arrestati lbieraħ fuq suspett li kienu qed jippruvaw iwasslu mill-inqas 447 immigrant illegali lejn l-Italja.

Hu allegat li s-suspettati, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 21 sa 33 sena, iffurmaw ‘l-ekwipaġġ’ ta’ dgħajsa tas-sajd li kienet qed tivvjaġġa mill-Eġittu lejn l-Italja.

Id-dgħajsa kienet interċettata lil hinn mill-kosta tal-Greċja. Il-bastimenti tal-qawwiet tal-baħar u l-gwardjani tal-kosta Taljani salvaw lill-immigranti u wassluhom fil-port ta’ Augusta, fi Sqallija.

F’każ ieħor separat, patrol boat tal-Pulizija Taljana wassal 220 immigrant, fosthom nisa, lejn il-port ta’ Katanja. Dawn l-immigranti kienu nġabru mill-baħar nhar l-Erbgħa wara li ż-żewġ dinghies li kienu fuqhom inqalgħulhom il-problemi, meta kienu xi 40 mil nawtiku lil hinn mill-kosta tal-Libja.

L-arresti tal-Eġizzjani u l-aħħar salvataġġ tal-immigranti seħħew fis-sigħat qabel il-laqgħa tal-emerġenza tal-Unjoni Ewropea (fi Brussell) li fiha l-parteċipanti ddiskutew il-kriżi tal-immigranti fil-Mediterran.