Ewropa Lokali

Uffiċjali għolja tan-NU jappellaw lill-mexxejja tal-UE biex jieħdu azzjoni dwar l-immigrazzjoni

ritratt mill-arkivji

Uffiċjali għolja tan-Nazzjonijiet Uniti appellaw b’mod qawwi lill-mexxejja tal-UE biex ipoġġu fuq quddiem il-ħarsien tal-ħajja, id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem huma u jiddiskutu l-immigrazzjoni fis-summit straordinarju llum.

F’komunikat iffirmat mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, dak għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein, ir-Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Peter Sutherland u d-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni, William Lacy Swing, ħeġġew lill-istati membri biex juru t-tmexxija morali u politika tagħhom billi jadottaw pjan olistiku u li jħares ’il quddiem billi jagħti importanza lil dawn il-valuri.

Iddeskrivew il-pjan ta’ għaxar punti bħala wieħed “minimalista” waqt li ħeġġew lill-kapijiet ta’ stat biex iħarsu fil-bogħod u jaħdmu fil-qrib ta’ pajjiżi ta’ tranżitu u pajjiżi ta’ oriġini biex jindirizzaw il-ħtiġijiet vera li jġiegħlu lil immigranti jħallu pajjiżhom. Saħqu li l-infurzar waħdu mhux se jsolvi l-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari imma jista’ jwassal biex jiżdiedu l-abbużi u r-riskji li jiffaċċjaw immigranti u refuġjati.

Appellaw biex titwaqqaf sistema, simili għall-operazzjoni Mare Nostrum, li tkun immexxija minn stat u li jkollha r-riżorsi meħtieġa għat-tiftix u s-sigurtà. Ħeġġew li jitwaqqfu sistemi li permezz tagħhom l-immigrazzjoni tkun sigura u regolari, inkluż għal familji li jeħtieġu l-protezzjoni u dawk li spiċċaw mifruda. Insistew li għandu jkun hemm impenn sod li l-UE kollha tieħu iktar refuġjati li jmorru lil hinn mill-kwoti tal-lum u b’mod li jagħmlu differenza.

Insistew ukoll li għandu jkun hemm għajnuna konkreta lill-pajjiżi bħall-Italja, Malta u l-Greċja li jsalvaw il-ħajjiet u jagħtu l-protezzjoni lil min jeħtieġha, waqt li għandu jkun hemm sforz biex jonqos ir-razziżmu kontra l-immigranti u r-refuġjati.