Internazzjonali

Ċerimonji fit-Turkija għaċ-ċentinarju ta’ Gallipoli

Il-qraba tal-veterani li ġġieldu fil-Battalja ta’ Gallipoli, waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, marru fuq il-post biex iqimu lis-suldati li servew lil pajjiżhom b’daqstat distinzjoni.

Huma kellhom ukoll laqgħat mal-Prinċep Charles u l-Prinċep Harry tal-Ingilterra fuq il-vapur HMS Bulwark, li hu l-‘flagship’ tar-Royal Navy. Dan qabel ħadu sehem f’numru ta’ servizzi fil-peniżola Torka.

Il-Mexxejja tal-Awstralja, New Zealand u t-Turkija – li, bħar-Renju Unit, kienu tilfu eluf ta’ suldati f’Gallipoli – ukoll qed jattendu s-servizzi ta’ tifkira fit-Turkija.
Madwar 131,000 membru tal-militar (45,000 minnhom qawwiet Alleati u s-86,000 l-oħra Torok) mietu fil-ġlied ta’ Gallipoli, li bdiet fl-1915.

Fost il-maqtula kien hemm 25,000 membru tal-militar Britanniku; 10,000 oħra minn Franza u 10,000 mill-Awstralja u New Zealand.

L-avvenimenti fit-Turkija li qed ifakkru ċ-ċentinarju ta’ Gallipoli jinkludu ċerimonja internazzjonali u kommemorazzjoni tal-Commonwealth u għall-Irlandiżi. Il-programm jinkludi wkoll servizz separat li jfakkar is-sehem ta’ Franza f’dik il-kampanja militari.