Futbol Sport

Guardiola u Bayern jittellgħu kontra Barcelona, Napoli u Fiorentina jevitaw lil xulxin

Poloz Semifinali UEFA Champions League u Europa League 2014-15Hekk kif f’12pm ittellgħu l-poloz tal-fażijiet li jmiss tat-tazzi Ewropej Champions League u Europa League, Barcelona ttellgħu biex jilgħabu kontra t-tim immexxi minn Pep Guardiola Bayern Munich fis-semifinali taċ-Champions League.

Is-semifinali l-oħra se tlaqqa’ kontra xulxin lil Juventus, għall-ewwel darba mal-aħħar erbgħa mill-2003, u ċ-Champions renjanti Real Madrid immexxija mit-Taljan Carlo Ancelotti. L-ewwel legs se jintlgħabu fil-5 u s-6 ta’ Mejju, bil-partiti ta’ ritorn ikunu ġimgħa wara.

Fl-Europa League, il-holders Sevilla jiltaqgħu kontra Fiorentina, filwaqt li Napoli ta’ Rafa Benitez ġew kontra Dnipro tal-Ukrajna. L-ewwel legs tas-semifinali se jkunu l-Ħamis 7 ta’ Mejju, bil-partiti ta’ ritorn jintlagħbu ġimgħa wara.

Matul l-erba’ snin li mexxa l-klabb Katalan, il-Kowċ ta’ Bayern Pep Guardiola rebaħ 13-il trofew, inkluż iċ-Champions League fl-2009 u l-2011. Guardiola wasal sas-semifinali f’kull wieħed mis-sitt staġuni tiegħu bħala Kowċ: erba’ darbiet ma’ Barcelona u issa darbtejn ma’ Bayern.

Ancelotti wkoll se jkun qed jiltaqa’ kontra l-eks klabb tiegħu Juventus, li tiegħu kien Kowċ bejn l-1999 u l-2001. Il-polza tħalli miftuħa l-possibbiltà ta’ finali Spanjola bejn Barcelona u Real Madrid, xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel. Ir-rivali eterni qed jissieltu wkoll għar-rebħ tal-kampjonat Spanjol.

Bħalissa, Real Madrid jinsabu mingħajr Modric, Bale u Benzema, bl-eks attakkant Emile Butragueno qal li se tkun semifinali diffiċli għalkemm jittama li jirkupraw lil dawn it-tliet plejers. “Se jkollna t-tieni leg f’darna u nittamaw li tkun semifinali sabiħa kontra żewġ klabbs b’esperjenza kbira”.

Pavel Nedved, li rrappreżenta lil Juventus f’Nyon qal li “irridu nagħmlu xi ħaġa kbira u storika għall-futbol Taljan u se nagħmlu l-almu kollu. L-importanti li nilgħabu kif dejjem għamilna”. Min-naħa tiegħu, l-eks difensur ta’ Bayern Paul Breitner qal li “se tkun semifinali diffiċli ħafna u rridu nkunu fl-aqwa forma u bl-aqwa skwadra possibli biex ngħaddu għall-finali”.

Il-polza tal-Europa League wkoll tħalli l-possibbiltà għall-finali bejn żewġ timijiet mill-istess pajjiż … f’dan il-każ mill-Italja. B’kollox, kien hemm erba’ finali bejn Taljani fl-istorja tat-Tazza UEFA, iżda l-ebda waħda minn meta nbidel il-format tat-tournament fl-2009.

Il-final taċ-Champions League se tintlagħab fl-istadium Olimpiku ta’ Berlin fis-6 ta’ Ġunju, filwaqt li l-final tal-Europa Leage se tintlagħab fl-istadium nazzjonali ta’ Varsavja fil-Polonja fis-27 ta’ Mejju.