Lokali

Il-PBS jiċċensura l-verità dwar l-iskandlu tal-Cafe’ Premier

Għall-Partit Nazzjonalista hu insulenti l-mod kif ix-xandir tal-Istat qed jagħżel xi jxandar u ma jxandarx, u fl-għażla tiegħu, jagħżel biss li jservi ta’ forċina għall-Gvern Laburista.

L-Erbgħa li għadda, il-Gvern ħareġ stqarrija jgħid li ħatar Kumitat biex joħroġ b’ideat dwar x’jista’ jsir mill-bini tal-Cafe’ Premier. Siegħa wara, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha rrefera għal numru ta’ gideb tal-Gvern fl-istess stqarrija.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Komunikazzjoni Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista qal li madanakollu, l-Edituri tax-xandir tal-Istat ħassew li jxandru biss l-istqarrija tal-Gvern u jinjoraw għal kollox l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista … għal raġuni li tibqa’ mhux magħrufa.

U f’ittra mibgħuta lill-Editur tax-xandir tal-Istat Reno Bugeja, il-Partit Nazzjonalista innota wkoll li x-xandir tal-Istat qed jiċċensura lill-partit fl-Oppożizzjoni mhux biss fil-bulettini tal-aħbarijiet, iżda anke b’mod ripetut fuq is-sit elettroniku tiegħu.