Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN irid jaħdem biex il-fiduċja li kiseb fin-nofsinhar jiksibha wkoll f’Għawdex – Simon Busuttil

Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista qata’ d-distakk bin-nofs biex issa d-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas minn 17% għal anqas minn 9%. Madankollu, dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista għad irid jimxi n-nofs l-ieħor tat-triq u għaldaqstant irid jisma’ b’mod speċjali l-messaġġ f’Għawdex, fejn il-Partit Nazzjonalista jrid ikun aktar viċin in-nies.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien qed jindirizza laqgħa għall-Kandidati u l-Kunsillieri Lokali f’Għawdex. Hu fakkar li f’termini ta’ voti, il-Partit Nazzjonalista żied 14,000 vot fuq l-aħħar elezzjonijiet fl-istess lokalitajiet, li għandhom maġġoranza qawwija Laburista. Fakkar fiż-żieda li kiseb il-Partit Nazzjonalista fin-nofsinhar ta’ Malta u sostna li issa l-Partit Nazzjonalista għandu jaħdem biex dak li kiseb fin-nofsinhar ta’ Malta jinkiseb ukoll f’Għawdex.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit se jkun qed janalizza r-riżultat fuq livell ġenerali u anke fuq livell lokali, tant li se jkun qed iħejji pjan speċifiku għall-Partit Nazzjonalista f’Għawdex biex il-Partit jaġixxi fuq dan ir-riżultat. Saħaq li biex il-Partit Nazzjonalista jaqta’ d-distakk, irid jaħdem kif ħadem fil-lokalitajiet f’dawn l-aħħar snin. Hu tenna li, issa li għaddew l-elezzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem biex il-Kunsilli Lokali jkomplu jirnexxu, filwaqt li fakkar li l-lokalitajiet sbieħ f’Għawdex huma xhieda tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali.

Simon Busuttil saħaq li l-Partit Nazzjonalista għamel differenza u hekk irid ikompli jagħmel fil-pajjiż kollu. Qal li n-nies għadhom qed jistennew tweġiba mingħand Muscat dwar l-anqas żieda fil-pagi fl-aħħar 30 sena mill-Friża u dwar l-għafsa fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Saħaq li, fid-dawl ta’ dan, l-Oppożizzjoni trid tkompli tagħmel id-differenza billi tkun Oppożizzjoni proattiva li tipproponi numru ta’ proposti, bil-għan li ttejjeb il-ħajja tan-nies u biex pajjiżna jiġbed lejh investiment ta’ kwalità.