Internazzjonali

Imħeġġa miżuri aktar intensivi b’risq l-immigranti

Il-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qalu li ‘m’humiex biżżejjed’ il-miżuri tal-Unjoni Ewropea biex tikkonfronta l-kriżi tal-immigranti fil-Mediterran. L-istess gruppi, intant, ħeġġew biex Brussell jespandi z-zoni għall-patrols speċifiċi tal-vapuri tiegħu.

Kelliema għall-Human Rights Watch, Amnesty International u Save the Children qalu li ‘l-immigranti se jibqgħu jegħrqu’ dment li l-missjonijiet tas-salvataġġ tal-UE ma jkoprux l-ibħra viċin tal-Libja.

Il-Mexxejja tal-UE, nhar il-Ħamis, qablu li jżidu bi tliet darbiet il-fondi għall-missjoni ‘Triton’ għall-impenji ta’ search and rescue fl-ibħra inkwistjoni u li issa huma ekwivalenti għal xi 120 miljun ewro. Il-livell tal-infiq, issa, għandu jkun l-istess bħall-investiment fil-missjoni Mare Nostrum (tal-Italja) li kienet twaqqfet is-sena l-oħra.

Diversi pajjiżi tal-UE impenjaw ‘aktar vapuri u riżorsi’ biex itaffu l-kriżi fil-Mediterran u għandhom janalizzaw il-mezzi biex jaħtfu u jeqirdu d-dgħajjes tat-traffikanti. Impenn ieħor li ħareġ nhar il-Ħamis, waqt is-summit straordinarju tal-UE, għandu jinvolvi l-istazzjonar ta’ uffiċjali tal-immigrazzjoni fil-pajjiżi li m’humiex membri fl-Unjoni.

Intant, l-Amnesty ħeġġet biex il-pajjiżi jagħmlu ‘dik id-daqsxejn aktar’ biex jevitaw aktar traġedji fil-baħar, b’kelliema għal Save The Children isostnu li l-Ewropa ‘teħtieġ tieħu azzjoni mill-aktar fis biex tutilizza din l-ispinta f’ħidma li ssalva l-ħajja tal-immigranti’.

L-aġenzija UNHCR (l-entita tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati) ukoll ħeġġet lill-UE ‘biex turi t-tmexxija morali u politika’ waqt li tindirizza l-kwistjoni.