Internazzjonali

Jinqatlu l-għexieren tat-tfal f’xahar ta’ konflitt fil-Jemen

Rapporti mill-Jemen qalu li talanqas 115 il-tifel u tifla nqatlu, b’172 oħra jispiċċaw feruti, waqt xahar ta’ konflitti u attakki mill-ajru fil-pajjiż partikolari.

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) ħarġet b’dawn iċ-ċifri u qalet li nofs it-tfal maqtula sfaw vittmi tal-bumbardamenti mill-ajruplani tal-koalizzjoni li qed tmexxija l-Arabja Sawdija kontra r-ribelli tal-Houthi fil-Jemen. It-tfal, l-oħra, imbagħad, sfaw vittma tal-isparar (inkluż bl-artillerija) u l-isplussivi li jinkludu l-mines taħt l-art.

Il-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi kompliet tattakka lir-ribelli tal-Houthi fil-Jemen minkejja li, jiem ilu, kienet ħabbret it-tmiem tal-offensiva tal-ajru.

Dan meta r-ribelli u l-alleati tagħhom ilhom ix-xhur jikkumbattu lill-qawwiet leali għall-Gvern tal-President Abdrabbuh Mansour Hadi li kien kostrett li jaħrab mill-Jemen.