Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni ġġedded l-istedina tal-Gvern għal kunsens u ħidma flimkien dwar l-isfida tal-immigrazzjoni

Summit f’Malta bejn l-UE, l-Unjoni Afrikana u pajjiżi importanti meqjusa bħala s-sors tal-problema tal-immigrazzjoni irregolari

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ġedded l-istedina li kien għamel fil-Parlament lill-Gvern f’Ġunju li għadda biex Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu flimkien b’kunsens dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna u fil-Mediterran.

Meta tkellem fid-dibattitu li sar dalgħodu fil-Parlament dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-immigrazzjoni f’pajjiżna u fil-Mediterran, dibattitu li talbu l-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ lill-Ispeaker, Simon Busuttil awgura għal darb’oħra li din l-offerta tintlaqa’ mill-gvern fuq kwistjoni nazzjonali, Ewropea u ta’ tħassib għal kull min jgħid li hu bniedem, filwaqt li tenna mill-ġdid il-prijoritajiet ta’ ħidma li l-Oppożizzjoni stiednet lill-Gvern f’Ġunju li għadda biex ikun hemm kunsens u ħidma nazzjonali.

Simon Busuttil tenna li l-prijoritajiet għandhom ikunu li nsalvaw lin-nies; nikkontrollaw in-nies li jaslu b’sorveljanza; li d-dinjità tan-nies tiġi rispettata anke dawk li jitlfu ħajjithom, jitwarrab kull tip ta’ populiżmu politiku b’rabta ma’ din il-kwistjoni, u jkun hemm koperazzjoni vera u sinċiera bejn Gvern u Oppożizzjoni.

Minkejja li saret din l-offerta mill-Oppożizzjoni, Simon Busuttil irrimarka li l-Gvern ma kkoperax biżżejjed ma kkonsultax u ma infurmax biżżejjed.

Dibattitu b’urġenza fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-Parlament Malti tlaqqa’ f’seduta urġenti minkejja li bħalissa kien wieqaf għall-vaganzi tal-Għid u biex isir it-trasferiment tal-Parlament għall-binja l-ġdida fid-Daħla tal-Belt. Il-Parlament tlaqqa’ wara talba mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. It-talba saret b’ittra mibgħuta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Minuta silenzju b’rispett lejn il-vittmi tal-aħħar traġedja
Fil-bidu tas-seduta, il-Parlament sellem b’minuta silenzju lill-vittmi tal-aħħar traġedja qabel ma l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel stqarrija ministerjali.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem dwar il-konklużjonijiet tas-Summit Ewropew tal-bieraħ dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u t-traġedji tal-immigranti fil-baħar Mediterran. Ħabbar li aktar tard din is-sena pajjiżna se jospita Summit bejn l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Afrikana u pajjiżi oħrajn importanti li huma meqjusa bħala s-sors tal-problema tal-immigrazzjoni irregolari.

Muscat spjega li f’dan is-Summit mistennija jipparteċipaw aktar minn 50 pajjiż, bl-aġenda se titratta strateġija fit-tul dwar l-immigrazzjoni.

Fl-intervent li għamel fid-dibattitu fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irrifera għas-servizz funebru li sar f’pajjiżna qabel id-difna tal-vittmi tal-aħħar traġedja li seħħet fil-Mediterran u fisser li laqtu s-simbolu bin-numru ta’ kull katavru għaliex saħaq li n-nies mhumiex qed jiġu trattati bħala nies iżda bħala numru.

Jekk għandna nitgħallmu mt-traġedji li qed iseħħu f’dawn il-jiem, għandna nifhmu li qed nitkellmu fuq nies. Hu minnu li dan hu suġġett sensittiv u li jinkwieta n-nies, iżda dawn huma ħajjiet u nies, u mhux sempliċiment numru.

Apprezzament għax-xogħol u l-ħidma tal-Forzi Armati
Sellem lill-ħidma tal-Forzi Armati li f’dawn is-snin kemm ilna bil-mewġa ta’ immigrazzjoni mill-Afrika lejn l-Ewropa, taw kontribut importanti u wrew li nafu niżviluppaw ir-riżorsi umani tagħna minkejja l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna. Semma li kull min isalva lin-nies hu eroj u li l-Oppożizzjoni tapprezza.

Il-poplu qed juri li filwaqt li hu mħasseb, hu dispjaċut għat-traġedji li qed iseħħu
Sellem ukoll lill-poplu Malti li f’din l-aħħar traġedja li seħħet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ħass ukoll tingiża fil-kuxjenza daqs qatt qabel u wera sogħba u ħareġ ukoll fil-mixja li saret f’San Ġiljan biex juru solidarjetà mal-vittmi.

Simon Busuttil fisser li l-poplu qed juri li filwaqt li hu inkwetat, hu poplu li jaf iħenn u jifhem li qed nitkellmu fuq bnedmin u mhux fuq oġġetti. Wera d-dispjaċir tiegħu għat-traġedji.

Dan ma jfissirx li l-poplu mhux inkwetat dwar l-immigrazzjoni għaliex se jibqa’ inkwetat bin-numru ta’ nies li jistgħu jaslu mnħabba wkoll iċ-ċokon ta’ pajjiżna. Dan l-inkwiet irridu napprezzawh u saħaq li l-politiċi jridu juru li qed jirrispondu għalih.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li fejn tidħol l-immigrazzjoni jridu jkunu traġedji biex jiċċaqalqu l-affarijiet u staqsa kemm u kif se jiċċaqalqu wara s-summit Ewropew. L-Oppożizzjoni tilqa’ kull pass fid-direzzjoni t-tajba.

Azzjonijiet konkreti jew għal darb’oħra kliem biss?

Irrimarka wkoll li l-mistoqsija tibqa’ jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex għall-altezza tat-traġedji li qed iseħħu b’mod regolari wisq.

Irridu naraw ukoll jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex se jitwettqu fil-prattika għaliex il-kliem sabiħ ilu jsir snin twal. In-nies ma tlumhomx li jkunu xettiċi dwar dawn il-konklużjonijiet għaliex it-traġedji baqgħu jseħħu.

Irrifera għal dokument tal-Kunsill Ewropew li jesprimi d-dieqa kbira tiegħu lejn il-mewt drammatiku riċenti ta’ mijiet ta’ nies fil-Mediterran li xxukkjat lill-Ewroppa kollha.

Simon Busuttil qal li dan hu dokument mhux ta’ din il-ġimgħa, iżda ta’ Ottubru 2013 meta kienet seħħet traġedja oħra. Illum kompla jfisser, għandna wkoll dokument li jibda bl-istess sentenza ta’ sena u nofs ilu, bħalma kien hemm dokumenti oħrajn simili tul is-snin li għaddew.

Il-poplu jistaqsi, saħaq Simon Busuttil, jekk din id-darba hux se jkun hemm azzjoni jew għal darb’oħra, kliem biss.

L-Oppożizzjoni se tagħti appoġġ għal kull pass ‘il quddiem, sakemm ikun pass konkret u mhux biss aktar kliem. L-Oppożizzjoni taf xi jfissru passi żgħar ‘il quddiem. Dejjem ħasset li qatt ma sar biżżejjed mill-UE, u li l-azzjoni tal-UE qatt ma laħqet il-livell mixtieq. Dan ifisser li l-immigrazzjoni mhix kwistjoni li ta xi ħadd li għandu xi banketta maġika li biha tista’ ssolvi l-kwistjonijiet. Hu stil populist min jagħti l-impressjoni li jista’ jsolvi din il-problema.

Spjega li l-Prim Ministru Muscat illum jaf li hu stess m’għandu ebda banketta maġika, għax li rridu nagħmlu hu li nuru persistenza, determinazzjoni u nżommu din il-kwistjoni fuq l-ogħa livelli ta’ prijoritajiet politiċi waqt li naħdmu flimkien.

L-għan immedjat għandu jkun li jiġu salvati n-nies. Ħadd fl-2015, fis-seklu 21 m’għandu jegħreq fil-baħar għaliex irid ifittex ħajja aħjar. Għaldaqstant l-ewwel prijorità tkun li ħadd ma jitlef ħajtu fil-baħar. Dan it-telf ta’ mwiet hu bla sens u għandu jieqaf.

It-tieni għan hu li jitwaqqaf u jitkisser ix-xibka ta’ traffikanti kriminali li għadha u ilha teżisti kemm fil-kosta tal-Libja u f’pajjiżi oħra tal-Afrika li huma f’xibka ta’ ħidma flimkien biex jisfruttaw nies li jridu ħajja aħjar. Kriminali li qed jisfruttaw bla kuxjenza lill-immigranti u jeħdulhom il-flus u jitfgħuhom il-baħar b’mod skruplus.

Biex nilħqu dawn iż-żewġ għanijiet, fisser Simon Busuttil, il-preżenza Ewropea fil-Mediterran għandha tikber biex kull min jipprova jaqsam ma jitlifx ħajtu.

Il-missjoni Mare Nostrum għandha tinbidel f’missjoni tal-Ewropa kollha
Semma l-missjoni tal-Gvern , Mare Nostrum, u kif sakemm kienet qed taħdem waqfu l-imwiet. Il-missjoni twaqqfet għaliex kienet biss l-Italja li qed terfa’ l-piż kollu ta’ madwar €9 miljun fix-xahar.

Simon Busuttil appella biex din il-missjoni mhux titwaqqaf iżda titkompla sakemm tinbidel f’missjoni Ewropea li tkun tal-istess livell ta’ Mare Nostrum.

Spjega wkoll li kellna nitolbu biex il-missjoni Mare Nostrum terġa” tibda u l-proposta kellha tkun li l-Ewropa taqbad €9 miljun u tagħtihom lill-Italja, hekk kif innota li mal-mitt elf ruħ waqt il-Mare Nostrum kienu salvati u marru l-Italja.

Simon Busuttil saħaq li dan ma twettaqx għaliex ħadd ma jrid iqum u jaqsam il-piż, speċjalment min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa.

Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru jekk hemmx xi ftehim mal-Italja dwar it-tqassim tan-nies u l-missjoni ta’ salvataġġ; u jekk Malta għadx għandha z-zona tas-sorveljanza sħiħa tat-tiftix u s-salvataġġ. Talab lill-Prim Ministru jserraħ ras il-poplu Malti li z-zona se tibqa’ ta’ pajjiżna mingħajr pressjoni ta’ xejn.

Innota wkoll il-pass li għamlet l-Ingilterra li se tiċċaqlaq u tibgħat bastiment, li l-preżenza tal-Ewropa fil-Mediterran se tikber biex tissorvelja x-xtut tal-Libja biex jitwaqqfu d-dgħajjes qabel ma jitilqu mill-kosta Libjana, u li l-baġit se jiġi tripplat.

L-Oppożizzjoni, iżda hi diżappuntata li l-konklużjonijiet kienu dgħajfa wisq dwar il-kwistjoni tas-solidarjetà li torbot lill-membri fl-UE.

Irrifera għall-pożizzjoni li kien ħa Muscat mill-Oppożizzjoni kontra li Malta tiffirma l-patt ta’ ażil dwar solidarjetà volontarja, filwaqt li lbieraħ, l-istess Muscat bħala Prim Ministru aċċetta solidarjetà volontarja.

Il-Prim Ministru llum għandu japprezza kemm kien żbaljat li jattakka lill-Gvern Nazzjonalista fuq l-immigrazzjoni
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru llum għandu japprezza kemm kien żbaljat li jattakka lill-Gvern Nazzjonalista fuq din il-materja, u llum japprezza li s-solidarjetà ma tistax timponiha iżda tippersisti għaliha.

L-Oppożizzjoni temmen li għandu jkun hemm miżuri fit-tul u tappoġġja dak li ffirma l-Prim Ministru, iżda tittama li l-konklużjonijiet jissarrfu f’azzjonijiet fil-prattika.

Irrimarka kif il-Prim Ministru llum qed ibiddel it-ton tiegħu, qed juża aktar kompassjoni kif hu xieraq dwar l-immigrazzjoni, u qed jirrealizza li ma tasalx bit-tgħajjir, bi kliem ta’ aħna u huma, għaliex l-Ewropa hi tagħna lkoll. Il-Prim Ministru Muscat illum hu parti mill-mejda tal-Ewropa.

B’reazzjoni għall-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar politika ta’ kunsens u ħidma nazzjonali bejn Gvern u Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li lest li jkun hemm konverġenza mal-Oppożizzjoni dwar il-kunsens, iżda mhux li l-kunsens ifisser li ma nitkellmux fuq dan il-fenomenu, jew li nagħlqu widnejna għan-nies tal-lokal u għall-immigranti.

Fid-dibattitu tkellmu wkoll il-Viċi Kapijiet tal-Oppożizzjoni Mario de Marco u Beppe Fenench Adami, id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem tal-Oppożizzjoni għal-Afffarijiet Barrranin.

Għall-Gvern tkellmu wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Ministri George Vella u Carmelo Abela.