Sport

Konfront għat-tieni post bejn Valletta u Birkirkara

Fi tmiem il-ġimgħa jitkompla l-Kampjonat BOV Premier fejn f’Hibs inkurunati Champions l-attenzjoni ddur fuq min se jispiċċa fit-tieni post, min se jikseb post fl-Ewropa u min se jsalva postu fl-ogħla diviżjoni.

Għada f’Ta’ Qali Valletta jiltaqgħu fi sfida diretta kontra Birkirkara li l-ġimgħa l-oħra qabżuhom fit-tieni post meta għelbu lil Żebbuġ 3-1 u approfittaw miż-żelqa ta’ Valletta li ġew miżmuma 3-3 minn Sliema. Dan l-istaġun Valletta għadhom ma rebħux kontra B’Kara. Fl-ewwel logħba tal-istaġun, f’Awwissu, B’Kara kienu rebħu 2-1 fil-finali tas-Super Cup. Fl-ewwel rawnd tal-kampjonat B’Kara rebħu wkoll 2-0 u fit-tieni rawnd kienu ġew draw 1-1.

B’Kara żgur li jridu juru logħob aħjar minn dak li wrew fir-rebħu 3-1 kontra Żebbuġ, filwaqt li Valletta jridu jkunu kemmxejn aktar attenti fid-difiża u mhux jitilfu l-konċentrazzjoni bħalma għamlu fl-aħħar ħarġa kontra Sliema.

Wara B’Kara, Valletta jilagħbu kontra Balzan u ċ-Champions il-ġodda Hibernians filwaqt li B’Kara wkoll imisshom kontra l-istess żewġ timijiet.