L-Armenja illum organizzat numru ta’ ċerimonji biex tfakkar għeluq il-100 sena mill-bidu tal-qtil tal-massa tal-Armeni mit-Torok ta’ żmien l-Imperu Ottoman.
Sadanittant, il-Presidenti ta’ Franza u r-Russja ssieħbu ma’ mexxejja u distinti oħra għaċ-ċerimonja ewlenija għat-tifkira tal-vittmi Armeni li qed issir fil-limiti tal-belt kapitali ta’ Yerevan.
L-Armenja tgħid li mitt sena ilu kienu nqatlu mal-1.5 miljuni tan-nies tagħha, bit-Turkija tikkuntesta din iċ-ċifra.
Fl-istess ħin, it-Turkija qed toġġezzjona bl-aħrax għall-użu tal-kelma ġenoċidju biex tiddeskrivi l-qtil tal-massa tal-Armeni. Fil-fatt, din il-kwistjoni ilha s-snin sors ta’ tensjoni bejn il-Gvernijiet ta’ Ankara u Yerevan.
It-Turkija taċċetta li dak iż-żmien kienu saru l-atroċitajiet, iżda ssostni li ma kien hemm l-ebda attentat sistematiku intiż biex jeqred lill-Armeni Insara. It-Torok enfasizzaw li dak iż-żmien kienu mietu wkoll it-Torok Musulmani innoċenti fl-istraġi tal-gwerra.
Sadanittant, it-Turkija llum ukoll ħejjiet servizz ta’ tifkira u l-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu, qal li pajjiżu qed jaqsam l-istess sentimenti ta’ uġigħ u n-niket tal-poplu Armen. Madankollu, Davutoglu irrepeta l-pożizzjoni tat-Turkija fis-sens li l-qtil tal-Armeni li seħħ mitt sena ilu ma kienx każ ta’ ġenoċidju.
//= $special ?>