Futbol Sport

Malta tfalli midalja fl-aħħar

Wara l-midalja tal-bronż mirbuħa l-Ħamis fid-doubles tal-irġiel waqt it-18-il edizzjoni tal-Kampjonati tal-Mediterran li qed isiru f’Chania fil-Greċja żewġ timijiet Maltin tal-Mixed Doubles iffurmati minn Tiziana Carannante u Mark Spiteri (Malta 1) u Sue Abela u Mauro Anastasi (Malta 2) kienu qed jimmiraw li jirbħu midalja oħra.

It-tim Malta 1 beda fuq nota mill-aktar negattiva fl-ewwel sessjoni fejn minkejja t-388 fl-ewwel logħba, fit-tieni logħba Mark Spiteri kiseb biss 136 waqt li Carannante kellha 189. Fit-tielet logħba l-koppja Maltija wkoll kisbu biss 358.

Fir-raba’ u l-ħames logħba l-livell għola ftit bi 385 u 381 imma fis-sitt logħba l-iskor kien 315 u spiċċaw fil-15 u l-aħħar post.

It-tamiet kollha għalhekk kienu fuq Malta 2 li bdew b’365 u 438 u Abela u Anastasi marru ma’ ta’ quddiem. Imma waqt li Abela lagħbet 228 fit-tielet logħba, Anastasi kellu biss 145.

Fir-raba’ logħba l-Maltin kisbu 414 segwita minn 400 b’Anastasi jikseb 219 biex b’logħba għat-tmiem kienu qed jilagħbu għall-fidda.

Sfortunatament iżda fl-aħħar logħba Abela lagħbet biss 165 u Anastasi kiseb 169 biex bi 334 pins spiċċaw fis-seba’ post.

Id-deheb intrebħet mit-Turkija 2 b’2416 bl-Italja 1 jirbħu l-fidda u s-Slovenja 2 il-bronż.
Għada issir il-finali tal-Masters.