PEMBROKE A. ………………….. 5
ST. GEORGE’S …………………… 2
Pembroke A – D. Balzan, O. Sidibe, G. Azzopardi, S. Arab (A. Azzopardi), A. Agius, D. Sammut (S. Magro), A. Laudisi, G. Spiteri, L. Micallef, A. Bello-Osagie (L. Omeruo), R. Bajada.
St.George’s – C. Carbonaro, A. Bonello (R. Vella), Liam Mallia, B. Muscat, N. Ojoula, E. Amaira, D. Zerafa, M. Borg (M. Mendoza), R. Tanti, B. Chikwado, Larson Mallia.
Referee – Malcolm Spiteri
Pembroke Athleta rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta kisbu t-tliet punti li kellhom bżonn fl-aħħar konfront tal-kampjonat kontra St.George’s. L-aħjar tal-logħba kien fl-ewwel taqsima fejn l-azzjonijiet u l-gowls kienu kontinwi. Fit-tieni taqsima Pembroke ikkontrollaw u għalqu l-logħba kwarta mit-tmiem bir-raba’ gowl, bil-Bormliżi jispiċċaw b’għaxra wara li tkeċċa Daniel Zerafa.
Pembroke kellhom bidu mill-aqwa meta wara biss erba’ minuti minn freekick ta’ Azzopardi kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ Abubaker lejn ARIEL LAUDISI li mill-viċin għeleb lil Carbonaro wara li l-gowlkiper kien imblokka l-ewwel xutt.
Pembroke kienu dominanti fl-ewwel kwarta bis-Saints ikollom l-ewwel ċans wara 19-il minuta meta Spiteri qassam ħażin lura lejn il-gowlkiper u Chikwado daħal tajjeb iżda l-lob tiegħu mar għoli. Iżda żewġ minuti wara St.George’s kisbu d-draw meta minn kross ta’ Muscat kien ANTHONY BONELLO li b’daqqa ta’ ras xeħet fix-xibka.
Iżda wara biss erba’ minuti Pembroke lura fil-vantaġġ meta Laudisi qassam lejn LYDEN MICALLEF li bi ġmiel ta’ lob ħalla lil Carbonaro jħares. St. George’s wettqu reazzjoni u fis-26 minuta kisbu draw meritat minn NOAH OJUOLA.
Il-Bormliżi setgħu marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba fit-38 minuta b’xutt angolat ta’ Chikwado li Balzan salva b’diffikultà u minuta mill-intervall Pembroke marru fil-vantaġġ għat-tielet darba meta minn azzjoni ta’ freekick kien Laudisi li bir-ras kompla lejn ABUBAKER BELLO-OSAGIE li mill-viċin spara fix-xibka.
Fit-tieni taqsima l-logħba naqqset ħafna mir-ritmu u kwarta mit-tmiem ARIEL LAUDISI għalaq il-logħba bir-raba’ gowl ta’ Pembroke.
Fit-83 minuta St.George’s spiċċaw b’għaxra meta Daniel Zerafa ntwera t-tieni karta safra u ħames minuti mit-tmiem LUCKY OMERUO skorja l-ħames gowl b’daqqa ta’ ras bl-ewwel ballun li mess wara li daħal bħala sostitut.
Fi tmiem il-logħba l-Viċi President tal-MFA Ludovigo Micallef ippreżenta t-tazza ta’ champions lill-captain Rodrick Bajada.
//= $special ?>