Internazzjonali

Investigaturi fl-Italja qalu li l-Vatikan seta spiċċa mira tat-terroristi

Numru ta’ estremisti suspettati li qed ikunu investigati fl-Italja dwar rabtiet mal-moviment terroristiku Al-Qaeda setgħu kienu qed jippjanaw attakk fuq il-Vatikan, fl-2010. Dan qaluh il-Prosekuturi Taljani wara li nstab grupp ta’ militanti attivi fl-inħawi ta’ Sardinja.

Intant, l-investigaturi qed isostnu l-possibbiltà li dawn is-suspettati kellhom is-Santa Sede fil-mira tagħhom; bil-Vatikan jimminimizza s-sinifikat tal-allegazzjonijiet.

Jaħsbu li wħud mis-suspettati arrestati kienu organizzaw l-isplużjonijiet terroristiċi tal-2009 fis-suq ta’ Peshawar, fil-Pakistan, li kienu ħallew ’il fuq minn 100 maqtula.
L-istampa qalet ukoll li tnejn mill-arrestati kienu pprovdew il-protezzjoni għall-eks-Kap tal-Al-Qaeda, Osama bin Laden.

Il-Pulizija, fl-aħħar sigħat, ħarġet mal-20 mandat ta’ arrest u wettqet tal-anqas disa’ arresti waqt numru ta’ rejds. Hu mifhum li l-irġiel arrestati ġejjin mill-Pakistan u l-Afganistan, u l-pulizija qed tkompli b’din il-missjoni.

Il-Prosekutur, Mauro Mura, li indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Cagliari (f’ Sardinja), qal li tagħmir għas-sorveljanza magħrufa bħala wiretaps indikaw li t-terroristi suspettati kienu qed jippjanaw attakk bil-bombi fil-Vatikan, f’Marzu tal-2010. Mura kien ikkwotat rigward is-sinjali tat-tħejjijiet għal attakk potenzjali li kienu jinkludu l-wasla ta’ aggressur suwiċida f’Ruma.

Il-Kap tal-Pulizija, Mario Carta, qal li filwaqt li ma jeżistux provi konkreti, l-awtoritajiet għandhom suspett qawwi li kienu qed jitħejjew l-attakki potenzjali.

Iżda l-kelliem għall-Vatikan, Federico Lombardi, ħareġ stqarrija fis-sens li l-indikazzjonijiet jikkonċernaw ipoteżi li tmur lura għall-2010 u li ma seħħitx fir-realtà. Lombardi kompla li din l-ipoteżi m’għandha l-ebda relevanza għaż-żminijiet tal-lum u għaldaqstant m’hemm l-ebda raġuni għal tħassib partikolari.