Lokali Parlament

Traġedja oħra kbira biex id-dinja tifhem l-arena krudili tal-baħar Mediterran

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, qal li kellha tkun traġedja oħra kbira biex id-dinja tifhem l-arena krudili tal-baħar Mediterran fejn din is-sena biss, 1,700 persuna diġà tilfu ħajjithom.

Meta tkellem fid-dibattitu tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, Mario de Marco qal li issa rajna li din it-traġedja qajmet lid-dinja u partikolarment lill-Ewropa, biex titkellem fuq l-għajnuna li hi essenzjali.

Staqsa lil min se tgħin l-Ewropa, jekk hix biex biex jissalvaw il-ħajjiet tan-nies jew biex tissalvagwarda lill-Ewropa.

Dan hu reġjun li qiegħed jerġa’ jkollu sfida biex jieqfu l-imwiet inutli fil-baħar, u kif nirrispondu għall-mewġa ta’ nies li jridu jaħarbu mill-ħajja ta’ ħruxija għal tama ta’ ħajja aħjar.

Jekk it-tweġiba tagħna hi li nibnu ħajt biex ma narawx u ma nisimgħux, se nkunu fallejna l-appuntament tagħna mal-istorja.

Jekk l-għajnuna twaqqaf biss it-traġitti ta’ dawn il-persuni, Mario de Marco wissa li nkunu qed nissostitwixxu l-katavri minn fuq il-baħar għal fuq l-art.
L-Ewropa għandha obbligu li ma tħallix it-traġedji ta’ mwiet ikomplu jseħħu, bħalma hi fl-obbligu wkoll li twaqqaf il-kriminalità organizzata ta’ traffikanti ta’ nies hekk kif hu kalkulat li hemm mal-miljun persuna li jridu jaqsmu l-Mediterran għall-Ewropa.

Appella lill-Ewropa ma tinjorax dak li qed iseħħ f’ħafna pajjiżi minn fejn ġejjin l-immigranti lejn l-Ewropa.

Il-konklużjonijiet tas-summit Ewropew hu pjan nieqes mill-pjan u l-viżjoni fit-tul.

Semma wkoll il-ħidma pożittiva li qed iwettaq pajjiżna quddiem din l-isfida, bħalma hu wkoll pożittiv l-appelli tal-Oppożizzjoni biex inwarrbu din il-kwistjoni mill-partiġjaniżmu politiku.

Din hi sfida, qal Mario de Marco, li pajjiżna se jkun qed jilqa’ kif għamel fis-snin li għaddew u li Malta tibqa’ ssemma l-vuċi tagħha biex din l-isfida ma tibqax biss tagħna iżda tal-Ewropa u d-dinja kollha.

Is-soċjetà ċivili fl-Ewropa diżappuntata
Tkellem ukoll il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, li rrimarka li fil-konklużjonijiet tas-summit Ewropew, ma saritx analizi għalfejn qed jintilfu n-nies minn pajjiżhom. Filwaqt li l-politiċi ħarġu vittorji, il-gazzetti kollha fl-Ewropa qalu li s-soċjetà ċivili hi diżappuntata u l-politiċi kienu aktar moħħhom biex isalvaw wiċċ l-Unjoni Ewropea.

B’rabta mal-esperjenza li għadda minnha l-poplu Malti quddiem din l-aħħar taġedja umana, Beppe Fenech Adami qal li ħarġet il-vera stampa tal-valuri vera tas-soċjetà Maltija – valuri ta’ kompassjoni u għajnuna lil min hu fil-bżonn.

Fil-maġġoranza qawwija, is-soċjetà Maltija hi ġeneruża u li trid tgħin lil kulħadd indipedentement mir-razza, kulur u t-twemmin. Huma l-ftit li għandhom elementi razzisti li sfortunatament jagħmlu ħafna ħoss.

Sellem lill-għaqdiet mhux governattivi li kienu aktar proattivi biex tinħoloq kuxjenza akbar favur id-drittijiet u l-bżonnijiet tal-immigranti, u biex nittrattaw lill-immigranti b’rispett u bid-drittijiet li huma wkoll għandhom igawdu.

Bħala Shadow Minister għall-Intern u d-Difiża, Beppe Fenech Adami irrifera għal dak li seħħ fl-armata fl-aħħar sentejn. Semma li sfortunatament l-armata għaddiet minn indħil politiku li wassal biex numru kbir ta’ uffiċjali li kienu esperti f’dan il-qasam kienu kostretti li jitilqu jew jitilfu posthom. Dan wassal ukoll għal limitazzjonijiet u moral baxx.

Beppe Fenech Adami sellem lill-membri tal-Forzi Armati li minkejja d-diffikultajiet u l-inġustizzji li jiltaqgħu magħhom fl-iskwadra marittima, xorta taw sehemhom u rriskjaw ħajjithom biex jgħinu lil min hu fil-bżonn, u li salvaw it-trabi, l-ommijiet u n-nisa u l-irġiel li kienu fi vjaġġi ta’ tama għal ħajja ġdida.

Talab lill-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux kommess li jgħin lill-membri tal-armata biex jtħallsu b’mod effiċjenti għas-sigħat twal li qed jaħdmu fuq l-ibħra jsalvaw in-nies.

Appella lill-Gvern jagħti l-għajnuna psikoloġika għat-trawma li jgħaddu minnha l-membri tal-armata li jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet u emozzjonijiet fuq il-baħar.

Nuqqas ta’ progress fuq il-kwisjtoni tal-Libja
Tonio Fenech, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej, awgura li ma jkunx hemm messaġġ ieħor bi traġedji bħalma rajna fl-aħħar jiem, biex l-Ewropa taġixxi.

Tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u rrimarka li kien hemm nuqqas ta’ progress fuq il-kwisjtoni tal-Libja, fi żmien meta ż-żieda allarmanti li qed jaqsmu lejn l-Ewropa qed tiġi mil-Libja b’organizzazzjonijiet kriminali li qed isibu triqat miftuħa minħabba s-sitwazzjoni tal-Libja. U dan għaliex jafu li d-dgħajjes qed jimtlew b’numri kbar, u li jispiċċaw jegħrqu.

Konklużjonijiet li għalkemm jissemma l-ġlieda kontra t-traffikanti, hemm element ta’ frustrazzjoni għaliex qed isir ftit progress biex tiġi indirizzata l-problema tal-Libja.

Filwaqt li rrikonoxxa l-għajnuna li l-Unjoni Ewropea ddikjarat lil diversi pajjiżi, ma kienx hemm aċċenn speċifiku għal aktar impenn fuq is-sitwazzjoni tal-Libja. Dan hu element ta’ frustament għan-nuqqas ta’ rieda mill-Ewropa biex tindirizza s-sitwazzjoni ta’ fazzjonijiet fil-Libja.

Staqsa lill-Gvern xi sforzi qed jagħmel mal-UE biex tieħu aktar azzjonijiet diretti mal-fazzjonijiet fil-Libja biex fil-ġlieda kontra t-traffikanti jkun hemm azzjoni wkoll fil-fruntieri mal-kosta fejn is-sehem tal-Libja hi importanti.