Internazzjonali

Xokk fl-Istati Uniti wara s-suwiċidju ta’ attur żgħażugħ

Id-dinja tal-ispettaklu tinsab ixxukkjata bl-aħbar dwar il-mewt tal-attur żgħażugħ Sawyer Sweeten, li kiseb fama bis-sensiela televiżiva Everybody Loves Raymond li kienet fost l-aktar shows popolari fl-Istati Uniti bejn l-1996 u l-2005.

Il-familja ta’ Sweeten, li miet fl-eta ta’ 19 il-sena, ikkonfermat li hu ikkommetta suwiċidju quddiem id-dar tagħhom f’Texas.

Sawyer kien għadu tifel meta beda jinterpreta l-karattru ta’ Geoffrey Barone fis-sensiela Everybody Loves Raymond waqt li ħuh tewmi, Sullivan, kellu l-parti ta’ Michael Barone. Fis-sensiela ħadmet ukoll Madylin, l-oħt il-kbira tat-tewmin, li kellha l-karattru ta’ Ally Barone.

Qabel it-traġedja, Sawyer Sweeten kien biss ġimgħat ‘il bogħod minn għeluq sninu u familtu, issa, ħarġet stqarrija fejn qed titlob għall-privatezza f’mument daqstant delikat.

(Fir-ritratt jidher Sawyer Sweeten (xellug), oħtu Madylin u ħuh tewmi, Sullivan, waqt premjazzjoni lill-atturi tat-televiżjoni f’Culver City, f’Kalifornja)