Organizzazzjonijiet favur id-Drittijiet tal-Bniedem esprimew it-tħassib u d-diżappunt tagħhom għall-konklużjonijiet tas-Summit Ewropew li tlaqqa’ b’emerġenza l-Ħamis wara li mijiet ta’ immigranti tilfu ħajjithom fl-aħħar jiem.
L-Għaqdiet qed jgħidu li l-azzjoni proposta mill-mexxejja Ewropej hi indirizzata biss biex tindirizza is-sintomi u mhux it-traġedja umanitarja innifisha.
Fis-summit, il-mexxejja Ewropej qabblu li jittripplaw il-baġit tar-rondi fil-Mediterran taħt l-isem Operation Triton u b’hekk tkun daqs l-operazzjoni Taljana Mare Nostrum.
Filwaqt li dan qed jitqies bħala żvilupp pożittiv, l-għaqdiet għad-Drittijiet tal-Bniedem qalu li l-missjoni hi nieqsa minn struzzjonijiet ċari li l-ħidma tagħha hi waħda ta’ tiftix u salvataġġ.
L-Għaqdiet qed jgħidu li tentattivi li jkunu limitati biss biex tagħlaq il-bibien mhux se jwaqqaf l-imwiet fil-Mediterran. Lanqas il-ħtif u l-qerda ta’ bastimenti li jistgħu jintużaw biex ikunu traffikati l-persuni.
Dan għaliex it-traffikanti sempliċement jagħżlu mezzi u opri tal-baħar li huma saħansitra iktar perikolużi minn dawk użati sa issa.
//= $special ?>