Lokali

“Il-Gvern qed jinjora l-bżonn li djar storiċi jkunu restawrati” – Astrid Vella, FAA

Sidien ta’ proprjetajiet skedati u b’valur storiku għandhom bżonn l-għajnuna biex jirrestawraw dawn il-proprjetajiet li qed jitħallew jitmermru u jaqgħu biċċiet.

Madankollu l-flus tal-MEPA jidher li spiċċaw għal kollox, bil-konsegwenza li dawn il-proprjetajiet qed jintilfu, f’każi minnhom bi skop tas-sidien stess li ladarba jispiċċaw fi stat ħażin ħafna japplikaw biex jiżviluppawhom.

Imma l-MEPA hi obbligata bil-liġi li jekk is-sidien ma jagħmlux ix-xogħol ta’ restawr fuq propjetajiet skedati, tkun hi li twettaq dan bi spiża għas-sidien stess.

Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet immexxija minn Astrid Vella, minn Flimkien għal Ambjent Aħjar, quddiem Villa Guardamangia.

Din il-villa kienet mikrija minn Lord Mountbatten fl-1929 u f’diversi okkażjonijiet bejn l-1946 y l-1953 laqgħet fiha lill-Prinċipessa Eliżabetta, illum ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni, kif ukoll lid-Duka ta’ Edinburgh meta kien iservi f’Malta bħala uffiċjal tar-Royal Navy.

F’din il-villa, li hi l-unika propjeta’ barra mir-Renju Unit li fiha għexet ir-reġina, jingħad li saħansitra ġie konċeput binha Charles.

Ir-Reġina kienet żaret din il-villa fi żjara statali li saret fl-1992, imma fl-2005 kienet talbet iżżurha mill-ġdid imma ż-żjara ma saritx minħabba l-istat ħażin tal-propjeta’.

Din hi biss waħda minn mijiet ta’ propjetajiet oħra madwar Malta li jinsabu abbandunati, fosthom il-Garden battery li hi parti mill-proġett ta’ Fort Camb ridge, il-fortifikazzjoni wara The Point, Id-Dar tas-Soru, San Souci f’Marsaxlokk u l-Australia Hall f’Pembroke fost l-oħrajn.

L-appelli tal-ambjentalisti huma tlieta: li l-gvern joħroġ skemi ta’ restawr għal propjetajiet privati fi stat ħażin, għandu joħroġ mill-ġdid skemi ta’ restawr tal-gallariji kif kien isir fil-passat, u għandu jimplimenta white paper li tnediet minn Jason Azzopardi fil-leġiżlatura li għaddiet u li permezz tagħha djar storiċi jiġu apprezzati anke’ għall-memorja kollettiva li għandhom għall-poplu. Skont Astrid Vella din se ġġib bidla storika.

Preżenti wkoll kien hemm il-Perit Edward Said, li qal li l-istat tal-postijiet storiċi f’Malta bħalissa juru l-istat li spiċċajna fih bħala pajjiż. Fakkar li qed jintefqu ħafna flus f’rikostruzzjonijiet ta’ postijiet storiċi, minflok jiġu restawrati dawk li qed jaqgħu biċċiet. Dan meta dawn il-proprjetajiet storiċi, jekk jiġu restawrati, jistgħu jinbidlu f’boutique hotels jew proġetti oħra li jġibu lejn Malta turiżmu ta’ kwalita’.