Internazzjonali

Imfakkra l-eroj ta’ Gallipoli f’Anzac Day

L-Awstralja u New Zealand fakkru lis-suldati tagħhom li fl-Ewwel Gwerra Dinjija ġġieldu u taw ħajjithom f’Gallipoli, fit-Turkija.

Il-ġurnata, magħrufa bħala Anzac Day, hi l-aktar okkażjoni nazzjonali importanti għal dawn iż-żewġ pajjiżi. Intant, il-jum kien karatterizzat biċ-ċerimonji u l-avvenimenti biex jimmarkaw għeluq il-mitt sena tal-inżul tal-Alleati Awstraljani u ta’ New Zealand fil-penisola ta’ Gallipoli, fejn kienu seħħew uħud mill-aktar battalji imdemmija tal-Ewwel Gwerra.

Wieħed mill-ewwel servizzi ta’ tifkira seħħ maż-żerniq fl-inħawi ta’ Gallipoli fejn is-suldati kienu rifsu l-art għall-ewwel darba. L-Awstralja, aktar tard, sellmet lis-suldati mejtin tagħha waqt servizz fil-lokalita ta’ Lone Pine.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Tony Abbott, radd ġieh lill-kuraġġ u l-lealta tas-suldati mitlufa fil-kampanja ta’ Gallipoli u fissirhom bħala ‘l-fundaturi eroj tal-Awstralja’.

Fl-Ingilterra, ir-Reġina Eliżabetta u żewġha, id-Duka ta’ Edinburgh, li hu l-padrun tal-Gallipoli Association, poġġew il-fjuri ħdejn il-monument tas-Cenotaph, f’Londra, bilmembri tal-Gvern u tal-Armata wkoll iroddu ġieħ lill-mejtin ta’ Gallipoli.

‘Il fuq minn 11,400 suldati Awstraljani u ta’ New Zealand kienu tilfu ħajjithom fil-battalji ta’ mitt sena ilu fit-Turkija.