Lokali

Jitressaq kaċċatur akkużat li kkaġuna feriti ħfief b’senter fuq żagħżugħ

David Galea ta’ 33 sena mill-Gżira dalgħodu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużat li kkaġuna feriti ħfief fuq Mark Van Leeuwen, żagħżugħ Olandiż ta’ 16-il sena.

Galea kien akkużat li ħebb għal Leeuwen u heddu, li kkaġuna feriti ħfief minn arma tan-nar minħabba traskuraġni jew bi ksur tar-regolamenti u li hu reċidiv.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7a.m. fil-limiti ta’ Pembroke meta ż-żagħżugħ intlaqat minn pellets taċ-ċomb allegatament sparati minn Galea. Leeuwen, li diġa’ ħalla Malta, ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

David Galea wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Hu ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €2,000. L-Avukati Yanika Camilleri u Vincent Micallef qed jidhru għall-akkużat.