Internazzjonali

Kisbiet għar-ribelli fil-konflitt tas-Sirja

Ir-ribelli Iżlamiċi fis-Sirja ħadu kontroll fil-parti kbira ta’ Jisr al-Shughur li hi waħda mill-aktar bliet importanti lejn il-Majjistral tal-pajjiż.

Din hi l-aħħar belt ewlenija li (s’issa) għadha taħt il-kontroll tal-Gvern Sirjan fil-provinċja ta’ Idlib. Intant, il-korrispondenti qalu li suċċess għar-ribelli f’dawn l-inħawi jista’ jgħinhom biex jiftħu ‘rotta’ lejn il-qalba tal-poter tal-Amministrazzjoni mmexxija mill-President Sirjan, Bashar al-Assad.

Il-qawwiet Iżlamiċi, li jinkludu l-Front al-Nusra, li hu affiljat mal-Moviment Al Qaeda, ilhom għaddejjin b’dan l-assalt min-nhar il-Ħamis.

L-aħħar rapporti minn Damasku qalu li l-ġlied aħrax f’Jisr al-Shughur baqa’ għaddej tul il-jum, u li l-ajruplani tal-Gvern Sirjan ibbumbardjaw ‘il-gruppi tat-terroristi’ filwaqt li qerdu numru ta’ vetturi armati.

Iżda l-attivisti tas-Syrian Observatory for Human Rights, ibbażat f’Londra, qalu li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan spiċċaw jaħarbu mill-kamp tal-battalja, anki jekk il-ġlied kien qed ikompli f’numru ta’ neighbourhoods.