Internazzjonali

Mijiet jinqatlu fin-Nepal: L-agħar terremot mill-1934…

Imutu ‘l fuq minn elf ruħ f’terremot katastrofiku fin-Nepal

Aktar minn 100 persuna tilfu ħajjithom f’terremot qawwi li heżżeż lin-Nepal u fejn ħalla baħar ta’ straġi fiz-zona bejn il-kapitali Kathmandu u l-belt ta’ Pokhara.

It-terremot, li rreġistra 7.9 fuq l-Iskala Richter, anki qered numru ta’ bini storiċi, bit-theżżiż tal-art jinħass anki ‘l hinn min-Nepal, f’pajjiżi bħall-Pakistan, l-Indja u Bangladesh. Fil-fatt, jaħsbu li dan kien l-agħar terremot li laqat lin-Nepal minn dak terribbli tal-1934 li kien kważi qered għal kollox il-belt ta’ Kathmandu.

Ministri fin-Nepal, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw il-ħsarat u l-istraġi enormi li rriżultaw fiz-zona indikata bħala l-epiċentru tat-terremot filwaqt li talbu l-appoġġ tad-diversi aġenziji internazzjonali mgħammrin biex jieħdu ħsieb dawn it-tipi ta’ emerġenza.

L-iskwadri tal-emerġenza f’Kathmandu bħalissa qed itellgħu l-katavri minn taħt ir-radam tal-bini mwaqqa’. Sadanittant, ir-residenti fil-kapitali li kienu intervistati tkellmu dwar ix-xokk u l-paniku li rrenjaw fl-inħawi mal-ewwel ftit sekondi tat-terremot, bin-nies joħorġu jiġru fit-toroq fost il-konfużjoni.

Fost il-bini prominenti li sfaw meqruda fit-theżżiża kbira hemm it-Torri ta’ Dharahara, bl-awtoritajiet jaħsbu li hemm numru sostanzjali ta’ nies taħt it-tifrik u t-terrapien.

L-aħħar rapporti min-Nepal qalu wkoll li tħarbtu s-sistemi ta’ komunikazzjoni b’konsegwenza tat-terremot, bl-ajruport ta’ Kathmandu ukoll iġarrab il-ħsarat. Sadanittant, l-iskwadri tal-paramediċi, fl-aħħar sigħat, kienu qed iwasslu l-ammonti tal-midruba lejn l-isptar għal trattament urġenti.

nepalkkk