Lokali

Protest biex il-PM ma jerġax jaħtar lil Mallia bħala Ministru

Mossa bla preċedent biex Manwel Mallia ma jerġax jinħatar Ministru.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li Frank Theuma, kelliem għall’hekk imsejjaħ “Moviment Laburisti Batuti,” ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jerġax jaħtar lil Mallia f’kariga ministerjali.

Il-protest jgħid li “l-passat ta’ Mallia hu mtappan bi żbalji gravi li juru li mhux kapaċi li jkun ministru,” speċjalment meta kariga bħal din tirrikjedi onesta’ u integrita’.

Il-Protest kompla li l-prinċipji Laburisti dejjem kienu biex iwieżen lill-klassi tal-ħaddiema u dawk li m’humiex privileġġjati. Manwel Mallia qatt ma ħaddan il-prinċipji Laburisti, la fil-prattika u lanqas fl-azzjonijiet tiegħu. Il-Protest kien iffirmat mill-Avukat Leslie Cuschieri.

Min-naħa tieghu, Muscat permezz ta’ kontro-protest, iddefenda lil Mallia u wissa lil Theuma li jekk jippersisti fl-allegazzjonijiet tiegħu kontra Manwel Mallia, se jittieħdu passi legali.

Hu qal li l-ħatra ta’ Ministri hi prerogattiva tiegħu bħala Prim Ministru u ma taqa taħt ebda proċess ġudizzjarju.

Ikkuntattjat mill-ġurnal Times of Malta, Theuma, li hu minn Bormla, iddeskriva lilu nnifsu bħala “Laburist mit-twelid.”

Hu qal li għalkemm jinsab waħdu f’dan il-moviment, hemm ħafna mill-Kottonera li jaħsbuha bħalu u xebgħu mill-mod kif qed jitrattahom il-Partit Laburista.

F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hawn ħafna għidut li Manwel Mallia kien se jerġa’ jidħol fil-kabinett wara li Muscat kien imġiegħel ineħħih f’Diċembru li għadda.

Spekulazzjoni li kompliet tikber hekk kif Mallia beda jidher b’mod prominenti fil-kampanja Laburista għall-Kunsilli Lokali u indirizza attivita’ politika f’Haż-Żebbuġ fejn kien għammed lilu nnifsu bħala “suldat tal-azzar.”