Lokali

Taħt il-lenti l-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kumitat Olimpiku Malti

L-istejjer żvelati minn In-Nazzjon matul din il-ġimgħa dwar il-mod kif qed jitmexxew il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kumitat Olimpiku Malti wasslu messaġġ ċar ħafna li qabel kull interess veru fit-tmexxija tal-isport, hemm min jippreferi l-interessi diretti u personali tiegħu.

Kemm-il darba rridu l-isport tassew jimxi ‘l quddiem u l-atleti u l-isportivi Maltin javvanzaw fit-taħriġ u fir-riżultati li jiksbu sia f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna, allura rridu nassiguraw li hu involut fl-isport f’pajjiżna jfittex tassew l-ewwel u qabel kollox l-interessi sportivi u mhux x’se jiggwadanja hu personalment.

Fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum anki fil-qasam tal-isport – li fid-dinja sar fost l-industriji l-aktar prinċipali – ma jkunx hemm lok għall-medjokrità u d-dilettantiżmu. Fit-tmexxija tal-isport f’pajjiżna ma għandux ikun hemm post għal irjus nofs kedda li qabel kollox ifittxu x’se jiggwadanjaw u x’se jibbenefikaw.

Kull dixxiplina sportiva għandha bżonn nies dedikati u serji li jħarsu lejn l-isport bħala opportunità dwar x’se jagħtu u x’se jikkontribwixxu. Dawn il-valuri vera għandhom aktar u aktar jiddominaw f’livelli ogħla ta’ tmexxija, bħall-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kumitat Olimpiku Malti.

L-istorja ta’ Mark Cutajar żvelata matul din il-ġimgħa hi waħda ta’ swied ta’ qalb. Mark Cutajar hu l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport. Mark Cutajar hu wkoll Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Mark Cutajar hu wkoll id-Deputat President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM). Kemm hu tajjeb Mark Cutajar!

Ma nistax nifhem kif kellu jkun dan il-ġurnal li jieħu l-inizjattiva u jikxef l-għatu tal-borma ta’ dan kollu. Karigi li huma kuntrarji għal xulxin u mhux talli m’humiex kompatibbli għal xulxin, iżda talli huma konflinġenti waħda għall-oħra.

Iċ-Charter Olimpiku jistabbilixxi bl-aktar mod ċar li l-indipendenza tal-Kumitat Olimpiku trid tkun awtonoma u ma tkun esposta għall-ebda forma ta’ pressjoni.

Fost l-oħrajn jgħid bl-aktar ton ċar li: “Recognising that sport occurs within the framework of society, sports organisations within the Olympic Movement shall have the rights and obligations of autonomy, which include freely establishing and controlling the rules of sport, determining the structure and governance of their organisations, enjoying the right of elections free from any outside influence and the responsibility for ensuring that principles of good governance be applied”.

Jgħid ukoll li: “The NOCs must preserve their autonomy and resist all pressures of any kind, including but not limited to political, legal, religious or economic pressures which may prevent them from complying with the Olympic Charter”.

Fid-dawl ta’ dak li jistabbilixxi ċ-Charter Olimpiku f’pajjiżna għandha sitwazzjoni mill-aktar anomala. Mark Cutajar, eks għalliem tal-matematika fl-Iskola St. Martin’s, irriżenja minn dan ix-xogħol biex biex mar jokkupa l-kariga ta’ Assistent Personali ma’ Edward Zammit Lewis li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari.

Għaliex hu meqjus bħala parti mill-familja ‘Tagħna Lkoll’, Mark Cutajar fi ftit taż-żmien ingħata l-kariga ta’ Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Wara dawn il-ħatriet kien mistenni li Mark Cutajar jingħata l-ħatra ta’ Aġent Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fil-Kunsill Malti għall-Isport fejn hu responsabbli mit-tmexxija tal-istess entità governattiva.

Sadattant Mark Cutajar jokkupa wkoll il-kariga ta’ Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM).

Dawn ir-rwoli kollha fl-istess ħin ma jagħmlux sens. Kif jista’ jkun li Mark Cutajar jilbes dawn il-kpiepel kollha fl-istess waqt? Lil hinn minn kemm-il salarju qiegħed idaħħal Mark Cutajar, tajjeb li jingħad li dak li qiegħed jagħmel imur kontra l-loġika tat-tmexxija b’serjetà fl-isport. Għax dawn il-karigi li jokkupa m’humiex kumplimentari għal xulxin, imma huma f’kunflitt dirett.

Biex tgħaxxaqha fil-jiem li għadddew qabel il-Ħamis li għadda meta saret l-elezzjoni għall-ħatra tat-tmien membri tal-Eżekuttiv tal-Kunsill Olimpiku Malti, Mark Cutajar ħa rwol mill-aktar vivaċi meta ikkampanja u aġevola biex jitilgħu ċerti kandidati u mhux oħrajn.

Saħansitra f’dan ir-rigward kienu organizzati numru ta’ laqgħat f’wieħed mill-uffiċċji tal-Kunsill Malti għall-Isport fil-Kottonera fejn f’dawn il-laqgħat Mark Cutajar uża l-influwenza tiegħu biex jippromwovi l-kandidati favoriti tiegħu!