Fl-aħħar jum tal-Kampjonati tal-Mediterran li qed isiru fi Kreta fil-Greċja, il-Maltin temmew fuq nota mill-aqwa hekk kif rebħu żewġ medalji tad-deheb. Il-Maltin rebħu d-deheb fil-kategorija tal-Mixed Team u deheb fil-kategorija tan-nisa permezz ta’ Sue Abela.
It-tim Malti, kompost minn Mauro Anastasi, Mark Spiteri, Sue Abela u Tiziana Carannante bdew jilagħbu l-partiti tagħhom tard il-Ġimgħa filgħaxija u lbieraħ filgħodu lagħbu l-aħħar tliet partiti. Sal-Ġimgħa huma kienu ġabru 2313 punt u t-tim Malti kompla minn fejn ħalla l-Ġimgħa u Carannante ġabet 199 punt, Abela ġabet 232, Anastasi ġabet 233 u Mark Spiteri impressjona bil-kbir hekk kif ġab skor perfett ta’ 300. Dawn il-punti ammontaw għal total ta’ 964 u dan kien punteġġ rekord minn naħa tal-Maltin li għelbu r-rekord preċedenti tal-Griegi li kien dak ta’ 939 punti.
Hekk kif kien fadal żewġ logħbiet il-Maltin komplew iżidu fir-ritmu tagħhom u wara l-ħames sessjoni l-Maltin kienu għadhom qed igawdu vantaġġ ta’ 19-il punt fuq il-Greċja li kienu fit-tieni post u fl-aħħar logħba l-Maltin ġabu 850 punt għal total ta’ 4834 punt. Il-Griegi spiċċaw it-tieni b’4755 punt filwaqt li fit-tielet post spiċċaw is-Slovenja b’4736 punt.
Suċċess għal Abela
Wara r-rebħa li kisbet flimkien mat-tim, Sue Abela spikkat anke fuq livell individwali meta rebħet il-medalja tad-deheb fil-kategorija tas-Singles tan-nisa. Il-punti ġew ikkalkulati skont kemm ġabu l-bowlers fl-erba’ events li ħadu sehem matul il-jiem. Abela ġabet total ta’ 4774 fuq 24 logħba, b’medja ta’ 198.9 kull logħba. Ta min jiftakar li nhar il-Ġimgħa Mauro Anastasi u Mark Spiteri kienu rebħu l-medalja tal-bronż fil-kategorija tad-Doubles tal-irġiel.
Il-plejers Malti huma akkumpanjati wkoll mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-bowling, Paul Baldacchino u l-kowċ nazzjonali Rick Vogelesang.
//= $special ?>