Ban Ki-moon, is-Segretarju Ġeneralit an-Nazzjonijiet Uniti, qal li ma kienx hemm soluzzjoni militari għall-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.
Dan meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija dwar il-possibbiltà li jkunu attakkati d-dgħajjes qabel ma jitilqu mil-Libja waqt intervista ma’ ġurnalisti minn La Stampa u Secolo XIX, żewġ ġurnali ewlenin Taljani.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NU qal li minflok kien neċessarju li wieħed iħares lejn l-għeruq tas-sitwazzjoni u titfassal soluzzjoni komprensiva biex tindirizza dan ukoll.
Hu qal li kien kruċjali li l-impenn tal-isforzi jkun li jkunu salvati ħajjiet in-nies u l-isfida kienet li jkun assigurat id-dritt tal-kenn għan-numru dejjem jikber ta’ nies minn madwar id-dinja li qed jaħarbu mill-gwerer.
Hu qal li n-Nazzjonijiet Uniti kienet lesta tikkopera mal-Unjoni Ewropea għal dan il-għan.
Ban qal li l-miżuri li tħabbru fis-summit li għadu kemm sar tal-Unjoni Ewropea huma pass importanti ’l quddiem imma qal ukoll li kien inkwetat ħafna għall-instabbiltà fil-Libja. Imma qal li ma kienx hemm triq oħra ħlief għad-djaloġu. Hu qal li l-atti ta’ terroriżmu varji fil-Libja kienu twiddiba oħra għall-fatt tal-bżonn urġenti ta’ soluzzjoni politika għall-kriżi attwali fil-pajjiż. Kriżi li għandha bżonn tweġiba urġenti biex jerġa’ jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà.