L-istil tal-politika tal-PN għandha tinbena fuq l-onesta, l-għaqda u d-determinazzjoni li għandha tagħmilna kburin li qegħdin f’partit li għamel u se jkompli jagħmel ħafna għall-pajjiż.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil meta kien qed jindirizza attivita politika tal-PN f’San Pawl il-Baħar.
Waqt id-diskors tiegħu l-Kap tal-PN tenna li wara l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali id-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa l-inqas fl-aħħar seba’ snin iżda fakkar li t-triq għadha waħda għat-telgħa. Huwa poġġa tliet sfidi fuq il-kunsilliera eletti : li jkun hemm għaqda sħiħa bejn il-kunsilliera tal-PN, li jkun sforz biex jinkisbu r-riżultati u li l-kunsilliera jibqgħu viċin in-nies.
Il-Kap tal-PN qal li l-PN irid ikompli jagħmel differenza fuq livell lokali u fuq livell nazzjonali. Huwa qal li l-PN irid jagħmel differenza maż-żgħażagħ, mal-familji li qed iħossu l-għafsa fil-pagi tagħhom, mal-ħaddiema vittmi tal-prekarjat, mal-pazjenti milquta mill-iffullar fl-isptarijiet, u mal-persuni b’diżabilita.
Simon Busuttil qal li l-PN irid iħaddan politika ta’ onesta – kuntrarju għal Joseph Muscat li għat-tieni darba reġa ħeba minn kulħadd żjara li beda llum fl-Ażerbaijan. Simon Busuttil qal d-dibattitu dwar l-immigrazzjoni reġa’ kixef id-differenza bejn il-politika ta’ Joseph Muscat u l-politika tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li tagħżel li taħdem għall-għaqda nazzjonali.
“Fl-2015 hemm ħtieġa ta’ politika li tgħaqqad u mhux li tifred, politika li tkun mibnija fuq il-kunsens u mhux li tirkeb fuq id-differenzi” saħaq Simon Busuttil li temm jgħid li huwa dan l-istil ta’ politika li għandu jagħmilna kburin li nagħmlu parti minn partit li għamel u għad irid jagħmel ħafna għal pajjiżna.
//= $special ?>