Internazzjonali

L-art tkompli titriegħed fin-Nepal

Ġurnata wara li terremot qawwi kkawża l-mewt ta’ madwar 2,000 persuna fin-Nepal, l-art matul il-ġurnata tal-Ħadd kompliet titriegħed.
Kmieni l-Ħadd kien hemm tħeżżiża ta’ 6.7 fuq l-Iskala Richter wara li s-Sibt kien hemm it-terremot li kellu qawwa ta’ 7.8 fuq l-Iskala Richter – l-agħar terremot li qatt laqat dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar 80 sena.
It-terremot inħass sew anki f’diversi pajjiżi qrib in-Nepal fosthom il-Pakistan, l-Indja u l-Bangladesh.
It-terremot ikkawża wkoll 17-il mewt fuq il-Muntanja Everest u matul il-ġurnata tal-bieraħ kien hemm diversi valangi minħabba ċ-ċaqliq tal-art.

It-tħeżżiża tal-Ħadd kienet qrib ħafna l-fruntiera maċ-Ċina u esperti qalu li l-art setgħet tinħass titriegħed sa distanza ta’ 50 kilometru.
In-Nepal qed jagħmel diversi appelli lill-komunità internazzjonali biex jgħinu għaliex il-ħaddiema tal-emerġenza, partikolarment it-toabba u l-infermiera, ma jistgħux ilaħħqu mal-kobor tat-traġedja. Apparti l-mejta, hemm ukoll kważi 5,000 li hu magħruf s’issa, li ndarbu u għandhom bżonn kura.
■ Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN, meta kien qed jitkellem waqt attività politika f’San Pawl il-Baħar ilbieraħ, esprima s-sogħba tiegħu għall-vittmi tat-terremot fin-Nepal.