Lokali

Mneddija ‘tallinja card’ mill-Malta Public Transport

Malta Public Transport nediet il-karta l-ġdida tat-trasport li qed tissejjaħ ‘tallinja card’ u li se tibda tintuża minn Lulju 2015.

Il-Malta Public Transpot qalet li bit-‘tallijna card’ il-ġdida, se jkun aktar faċli biex tivvjaġġa bit-trasport pubbliku fejn il-card se tkun personalizzata bir-ritratt u l-isem fuqha. Il-kreditu jista’ jiżdied mill-internet, bit-telefon, mill-ħwienet tal-kumpanija jew minn kull uffiċċju ta’ MaltaPost. Il-kreditu ma jiskadix.

Kienet introdotta wkoll b”tallinja card’ u nollijiet differenti għat-tfal, għall-istudenti, għall-adulti, għal min għandu l-Kartanzjan jew il-Karta tal-Identità Maltija 60+, għal dawk li għandhom il-Blue Badge maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabbilta u għar-residenti f’Għawdex. It-tfal li għandhom inqas minn erba’ snin se jkomplu jivvjaġġaw b’xejn u mhux se jkollhom bżonn card.

It-tfal ta’ bejn l-erba’ u l-10 snin u dawk li għandhom il-Kartanzjan jew il-Karta tal-Identità Maltija 60+ u l-Blue Badge jħallsu noll ridott ta’ 25ċ għal kull vjaġġ sa sagħtejn, inkluż meta jibdlu l-karozza.

Fl-istess waqt, dawn qatt m’huma se jhallsu aktar minn 50ċ f’ġurnata, jew €2 f’ġimgħa. Dan kollu jinħadem b’sistema awtomatika u għalhekk m’hemmx bżonn jinxtara biljett. It-tfal u l-anzjani bil-Kartanzjan jistgħu jimlew il-karti tagħhom b’€2 fil-ġimgħa u jivvjaġġaw b’tal-linja bla limitu madwar Malta u Għawdex.

L-adulti se jkollhom prezz ridott ta’ 75ċ għal kull vjaġġ, sa massimu ta’ sagħtejn, inkluż meta jibdlu l-karozza. Fl-istess ħin, dawn qatt mhuma se jħallsu aktar minn €26 f’xahar. L-istudenti li jkollhom it-tallijna card, jekk jilħqu l-limitu ta’ €21 f’xahar, ma jħallsux għal aktar vjaġġi għall-bqija ta’ dak ix-xahar. Dawk li huma residenti f’Għawdex u jivvjaġġaw f’Għawdex biss, ma jħalssux aktar minn €10 f’xahar.

Il-Malta Public Transport spjegat li l-prezz tal-biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozzi tal-linja se jiżdied minn Lulju 2015. Fil-fatt, l-uniku biljett li se jkun jista’ jinxtara mingħand ix-xufiera hu ta’ vjaġġ wieħed ta’ sagħtejn, li se jkun jiswa €2 fis-sajf u €1.50 fix-xitwa matul il-jum, u €3 għas-servizz ta’ billejl. Dawn in-nollijiet japplikaw għall-passiġġieri kollha, kemm għall-adulti, it-tfal, nies bil-Kartanzjan u l-bqija.