‘Qegħdin hawn nanaliżżaw ir-riżultat ta’ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mhux grazzi għal gvern imma grazzi għal persistenza tal-Partit Nazzjonalista’. Hekk saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt il-programm Xarabank.
Programm li fih spikkaw l-interuzzjonijiet kostanti tal-Ministru Owen Bonnici kull darba li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kien qiegħed jagħmel l-intervent tiegħu.
F’Xarabank Chris Said spjega li l-Partit Nazzjonalista kien żied 14,000 il-vot filwaqt li d-distakk minn mal-Partit Laburista naqas minn 17% fl-istess lokalitajiet tlett snin ilu għal taħt id-9% f’dawn l-elezzjonijiet.
Minn naħa tiegħu Owen Bonnici insista li l-Partit Laburista kien rebaħ b’vot rekord u saħansitra saħaq li kien żied il-vot tiegħu fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Owen Bonnici ċaħad li l-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk filwaqt li qal li ma’ jaqbilx ma’ l-analiżi tal-eks Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri.
Owen Bonnici kompla wkoll bl-attakki fuq l-eks Ministru Giovanna Debono. Dwar dan il-każ Chris Said saħaq li l-pulizija għandha tinvestiga wkoll l-aħħar rapporti li ħarġu dwar xogħol abbużiv li sar fi żmien il-Ministru preżenti Anton Refalo.
Anke Arnold Cassola fl-intervent tiegħu semma kif il-mara ta’ Anton Refalo qegħda tgawdi posizzjoni fil-gvern. Huwa staqsa lil Ministru jekk hemmx kodiċi t’etika filwaqt li saħaq li dawn l-affarijiet m’għandhomx jiġru.
Minn naħa tiegħu Owen Bonnici iżda saħaq li huwa ma’ kienx lest jieħu lezzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>