Il-Ħadd waranofsinhar tħabbret il-mewt tal-artist Malti Alfred Chircop, fl-età ta’ 82 sena.
Chircop studja l-arti f’Malta, fir-Renju Unit u fl-Italja. Sa mis-sittinijiet, ix-xogħlijiet artistiċi tiegħu kienu esebiti f’numru ta’ wirjiet, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Ħa sehem ukoll f’numru ta’ wirjiet flimkien ma’ artisti oħrajn, fejn ix-xogħol tiegħu kien dejjem imfaħħar minn kritiċi Maltin u barranin.
Minbarra x-xogħlijiet artistiċi tiegħu, Alfred Chircop kellu wkoll karriera fit-tagħlim f’livell primarju, sekondarju u anke post-sekondarju. Hu qatta’ l-aħħar snin tal-karriera edukattiva tiegħu bħala Senior Lecturer fil-Fakultà tal-Arkitettura fl-Università ta’ Malta, fejn kien jgħallem l-Edukazzjoni Viżwali u d-Disinn.
Alfred Chircop se jingħata l-aħħar tislima għada t-Tlieta fit-3pm, fil-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard.
Sadanittant, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Joe Cassar, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Alfred Chircop.
Filwaqt li wassal il-kondoljanzi lill-familja Chircop, il-Partit Nazzjonalista qal li Alfred Chircop jibqa’ mfakkar għax-xogħol artistiku f’pajjiżna u anke barra minn xtutna għax ħidmietu għamlet ġieħ lill-Maltin kollha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Ritratt meħud fl-2011 meta Alfred Chircop (xellug) ppreżenta xogħol artistiku tiegħu lil Partit Nazzjonalista
//= $special ?>