Lokali

Tkeċċijiet fl-Air Malta jqanqlu ħafna dubji

‘Il-post ġie abolit’. Din kienet l-unika raġuni li ngħataw tlett ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta li sfaw mkeċċija minn xogħolhom, anke jekk tnejn minnhom għandhom aktar minn 20 sena servizz warajhom.

Wieħed mill-ħaddiema kien il-Head of Sales tal-Air Malta filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu managers, b’wieħed minnhom Manager tal-Marketing.

F’din it-tkeċċija huwa evidenti l-fatt li ma ntużatx il-prassi normali ta’ last in first out; dan anke fl-isfond li fl-aħħar xhur daħlu mijiet ta’ impjegati ġodda part time, fosthom persuna li hija qrib ħafna tal-Ministru Edward Zammit Lewis.

Ħaddiema ta’ l-Air Malta li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com saħqu wkoll li fl-għażla ta’ dawn il-ħaddiema ġodda qiegħed jispikka l-favoritiżmu politiku.

L-istess ħaddiema esprimew tħassib serju għal fatt li għalhekk issa l-kumpanija hija mingħajr Marketing Manager u mingħajr Head of Sales, żewg karigi meqjusa kruċjali sabiex il-kumpanija żżid il-bejgħ.

Staqsew ukoll f’dan kollu fejn hi l-General Workers Union li bħal donnu waqat f’muta assolut. L-istess ħaddiema esprimew tħassib għal posthom fil-kumpanija hekk kif hemm pjani li jonqsu l-ajruplani.

Il-ħaddiema li tkellmu magħna tkellmu wkoll dwar kif fil-passat il-ħaddiema kien ikollhom laqgħat regolari ma’ l-għola nies fi ħdan il-management iżda issa dawn il-laqgħat waqfu għal kollox.