Lokali

Aġġornata (3): Tajra protetta tintlaqat minn tiri u taqa’ fil-bitħa ta’ skola, l-FKNK u l-KSU jikkundannaw, CABS jirrapporta aktar illegalitajiet

Studenti tal-iskola primarja tal-Kulleġġ St Edward’s fil-Birgu ħadu qatgħa kbira hekk kif f’mument minnhom taqa’ tajra fil-bitħa tal-iskola waqt li kienu qegħdin bil-break. Minn informazzjoni li għandna, jirriżulta li t-tajra, tar-razza Spanjulett, intlaqtet minn tiri u waqgħet fil-grawnd tal-futbol tal-iskola għall-ħabta tan-12.30pm.

Persuni li kienu fuq il-post qalu li t-tajra intlaqtet minn tir u mbagħad intlaqtet minn tir ieħor. B’kollox instemgħu ħames tiri li kienu sparati minn barra l-iskola. Fuq il-post issejħet il-pulizija tal-ALE li ħadet lill-għasfur għall-kura.

Fi stqarrijiet separati, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) ikkundanaw dan il-każ u appellaw lill-pubbliku għall-informazzjoni. Huma qalu li għandha ssir ġustizzja ħarxa u immedjata fil-konfront ta’ dan il-kaċċatur.

Sadanittant, il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qalet li lbieraħ voluntiera tal-għaqda għaddew żewġ għasafar oħra midruba b’tiri lill-Pulizija. Dan minbarra li għasfur ieħor, tar-razza Daqquqa, nstab mejjet fiż-żona tal-Miżieb u mistoħbi taħt ġebla.

Il-CABS irrapporta wkoll li xi persuni li kienu mexjin f’Pembroke sabu gawwi ferut fil-ġewnaħ tax-xellug u ngħadda lid-Dipartiment tal-Veterinarju tal-Gvern. Fl-istqarrija, il-CABS qal li għadda wkoll informazzjoni ta’ diversi żoni, li fihom kien hemm 63 makkinarju illegali li bihom jissejħu l-għasafar. Dawn kienu nstallat minn kaċċaturi f’meded differenti ta’ għelieqi propjetà tagħhom.

Ftit tal-ħin ilu:

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li għall-Oppozizzjoni, l-inċident tal-lum ma setax jitħalla għaddej. Il-Kaċċa fir-Rebbiegħa ma tfissirx li għandhom jitħallew għaddejjin l-illegalitajiet. Il-PN qal li l-Gvern għandu responsabbilità kbira fl-infurzar tal-ligi. Għaldaqstant id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq l-istaġun kienet deċiżjoni inevitabbli.