Lokali

Direttur Artistiku ġdid għal Strada Stretta

Strada Stretta għandha d-Direttur Artistiku tagħha bl-għan li din it-triq terġa’ ssir mill-ġdid il-marka tal-arti, il-kultura u d-divertiment f’pajjiżna.

Id-Direttur Artistiku ġdid hu Dr Giuseppe Schembri Bonaci, li kien ippreżentat waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-lukanda Splendid. Din il-lukanda kienet topera fiż-żmien tal-glorja ta’ Strada Stretta, iżda li sfortunatament għal snin twal kienet abbandunata bħall-maġġoranza tal-propjetajiet fl-istess triq.

Giuseppe Schembri Bonaci hu akkademiku ta’ profil internazzjonali, u kemm hu u anke ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ qrabatu għexu f’din it-triq. Bl-esperjenza tiegħu, se jkun fdat bir-riġenerazzjoni tat-triq bi ħsieb artistiku, kif ukoll iħejji kalendarju kulturali.

Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li din il-ħatra torbot fuq l-għan tal-Fondazzjoni li taħdem biex il-privat jinvesti, kif ukoll biex jinfetħu bars u ristoranti ġodda f’din it-triq. B’hekk, tinħoloq attività u spettaklu ħalli Strada Stretta ssir hub kulturali li tattira n-nies.

Fl-aħħar xhur, diġà saret ħidma li kellha u se jkollha l-għan ta’ riġenerazzjoni sħiħa tat-triq, filwaqt li se jibda proġett infrastrutturali li jrid ikun sostenibbli biex jibqa’ jitgawda għal snin twal. Barra minhekk, id-Direttur Artistiku jrid jara li l-proġett jirrispetta l-estetika u l-istorja tat-triq, filwaqt li jħares lejn il-futur.

Min-naħa tiegħu, Giuseppe Schembri Bonaci spjega li l-ħolma tiegħu hi li Strada Stretta tingħata lura l-ħajja wara diversi attentati li saru fil-passat. Qal li din hi triq ta’ spettakolarità artistika u fid-dawl tal-iżvilupp u t-tibdil li għaddejja minnu Malta, hemm bżonn programm artistiku li jgħolli l-livell ta’ spettaklu li kapaċi toffri din it-triq.

Fakkar li l-istorja artistika ta’ Malta hi midjuna għal Strada Stretta għax artisti ewlenin ħarġu minn din it-triq, fejn kienu jikkompetu bil-qawwi tant li saħansitra kienu jiġu barranin jikkompetu bil-mużika live. Kompla li Strada Stretta għandha ssir ukoll post li jorbot ma’ siti oħrajn, bħat-Teatru Manoel, fejn in-nies ikunu jistgħu jmorru wara l-attivitajiet li jsiru fih.

Fost l-għanijiet tal-proġett għal Strada Stretta hemm ir-restawr tal-binjiet u l-konservazzjoni ta’ pitturi u sinjali storiċi mal-ħitan, kif ukoll ir-riġenerazzjoni tal-mużika jazz, tal-cabaret u tal-kultura teatrali u urbana, anke bil-preżenza ta’ artisti nternazzjonali. Qed isiru wkoll studji u riċerki arkivjali dwar l-istorja u l-użu tat-triq.