Il-mijiet ta’ mwiet qrib il-gżira Taljana ta’ Lampedusa mhumiex numru; huma l-qtil ta’ bniedem għal mijiet ta’ drabi. Qtil minn kutrabandisti li qed jinqdew bil-kaos li hemm il-Libja biex jagħmlu l-miljuni minn dak li jħallsu immigranti, ħafna minnhom jaħarbu kunflitti kbar, li jitwebblu jirkbu biċċa tal-baħar li, ħafna drabi, flok Lampedusa jew Pantelleria biex jidħlu l-Italja, twassalhom fil-qiegħ nett tal-baħar.
Qtil razzista fl-istiva
Qtil razzista sa mill-bidu fejn dawk li mhumiex suwed jitqiegħdu f’post fejn jistgħu jsalvaw waqt li s-suwed jitfgħuhom fl-istiva fejn ma jkollhom l-ebda ċans. Hekk ġralhom il-mijiet fl-istiva tal-biċċa tal-baħar li għerqet il-ġimgħa l-oħra: għadhom hemm fil-qiegħ; għalhekk it-Taljani tellgħu biss 28 ħajjin u 24 mgħarrqin.
Qbil tabilfors bejn il-pajjiżi kollha
Quddiem dal-qtil għal mijiet ta’ drabi, il-pajjiżi Ewropej bħal iċċaqalqu. ‘Pajjiżi Ewropej’ irridu ngħidu għax l-Unjoni Ewropea ma tistax taġixxi bħala għaqda waħda u sħiħa fuq l-immigrazzjoni bħalma taġixxi fuq l-ewro jew fuq il-kummerċ, pereżempju; fuq l-immigrazzjoni jridu jaqblu l-pajjiżi kollha.
Xħin jixegħlu d-dwal tal-cameras li jiġbdu lill-politikanti
Mhux għax il-politikanti li ilhom iparlaw ħafna fuq l-immigrazzjoni bla ma għamlu xejn iddejqu mid-dwal tal-cameras; anzi, malajr iltaqgħu b’urġenza u għamlu ħafna simboli ta’ azzjoni. Approvaw pjan ta’ 10 punti mfassal qabel mill-assistenti tagħhom. U qalu li se jittripplaw il-flus għat-tiftix u s-salvataġġ tal-bnedmin qed jegħrqu.
Kritika qawwija minn dawk li ma jitgħammxux
Imma dawk li ma jitgħammxux bid-dwal tal-cameras – l-esperti f’dan il-qasam – kellhom kritika għal dak li qiesu li kien simboliżmu. L-10 punti huma ikel imsaħħan, copy and paste ta’ dikjarazzjonijiet li ġa saru bla ma twettqu. Is-sena l-oħra, il-flus għat-tiftix u s-salvataġġ kienu naqsu għal terz biss; issa ttripplaw it-terz; terz għal tlieta jiġi wieħed; jiġifieri marru lura biss għal fejn kienu sena ilu.
L-ebda qsim tal-piż tabilfors
U m’hemm l-ebda impenn għall-qsim tal-piż tabilfors bejn il-pajjiżi kollha, il-famuż mandatory burden-sharing. Ilna nisimgħu minn politikanti jippuppaw u jparlaw li se jġibu lill-pajjiżi l-oħrajn tal-Ewropa jaqblu li jieħdu tabilfors skont id-daqs ta’ pajjiżhom lill-immigranti li jispiċċaw l-Italja, Spanja, il-Greċja u Malta. Paroli li lanqas biss tniżżel fid-dikjarazzjonijiet miktubin aħseb u ara kemm se jsir azzjoni.
Kieku…
Kieku jkun hemm il-wegħda u l-impenn ċari tal-qsim tal-piż mill-pajjiżi kollha, kieku mbagħad iva, nibdew naraw lill-Ewropa tkun effettiva għax taġixxi bħala waħda u sħiħa bħalma taġixxi u jkollha suċċess fuq tant temi li nafu kemm huma aħjar fl-Ewropa għax huma responsabbiltà diretta tal-Unjoni u mhux ta’ kull pajjiż jekk irid.
Il-karru wara li jintfew id-dwal
Sadakittant, nibqgħu naraw politikanti vojti jparlaw sabiħ fil-laqgħat għolja ta’ emerġenza. U mbagħad, xħin jintfew id-dwal tal-cameras, imorru lura f’pajjiżhom u ma jagħmlu xejn, jew ftit li xejn, u jirkbu fuq il-karru razzista għax jaqblilhom għall-voti.