Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tibqa’ konsistenti u ssostni li l-Monti mhuwiex postu maġenb il-Parlament il-ġdid, li se jibda jopera mill-ġimgħa d-dieħla. Sostna dan iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Jason Micallef, meta mistoqsi minn MaltaRightNow.com ġimgħa qabel l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett mibdi minn Gvern Nazzjonalista.
Jason Micallef, li hu nkarigat minn din il-Fondazzjoni li twaqqfet bl-għan li tirriġenera l-Belt Valletta, kompla li l-Monti f’dan is-sit jistona. Din il-kritika tingħaqad mhux biss ma’ dik tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, iżda wkoll ma’ numru ta’ entitajiet oħrajn, fosthom Din l-Art Ħelwa, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ibliet, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Pjazza Teatru Rjal, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-Periti.
Dwar din il-kwistjoni, kien tkellem ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia, li fisser ruħu mħasseb dwar kwistjoni ta’ sigurtà jekk il-Monti jitpoġġa maġenb il-bini tal-Parlament. Anke l-Arkitett Malti Richard England kien tkellem pubblikament kontra din l-idea, filwaqt li sostna li l-Arkitett famuż Taljan Renzo Piano, li ddisinja l-proġett tal-Parlament u d-Daħla tal-Belt, jinsab imweġġa’.
Madankollu, u minkejja din il-kritika, jidher li l-Gvern hu deċiż li jinjora dawn l-appelli u jkompli għaddej bil-pjani tiegħu li l-Monti jiċċaqlaq għat-triq ta’ bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal. Kienet biss il-General Workers’ Union li, fi Frar li għadda, qabżet għall-Gvern meta f’The Times iddefendiet id-deċiżjoni tar-rilokazzjoni tal-Monti.
Il-President tal-GWU Victor Carachi kien qal li n-nies mhumiex japprezzaw biżżejjed il-ġid li jista’ jħalli Monti.
//= $special ?>