Fl-Italja, qrib Firenze, ġew ikkonfiskati 20,000 flixkun tal-inbid u tal-grappa li fihom kellhom xorb falz. Il-fliexken, li ġew ikkonfiskati mill-uffiċjali tad-dwana, kienu lesti biex jiġu distribwiti fis-suq.
Fil-fliexken kien hemm alkoħol li madankollu ma kienx magħmul minn frott id-dielja imma minn frott u ħaxix ieħor, fosthom mill-piżelli, mir-ross u mill-pruna. Kienu maħżuna f’imħażen ta’ kumpanija li kienet tqassam prodotti Ċiniżi. Fuqhom kien hemm tikketti li kienu jgħidu li l-kontenut kien inbid jew grappa. Skont l-uffiċjali tad-dwana, dawn kienu lesti biex jinbiegħu f’ristoranti u fi ħwienet oħra.
L-uffiċjali tad-dwana kkonfiskaw madwar 3,000 apparat ieħor li ma kellhomx ċertifikazzjoni ta’ sigurtà jew ċertifikati oħra meħtieġa. Is-sidien tal-kumpanija issa qed jiffaċċjaw akkużi ta’ frodi waqt li l-alkoħol se jiġi ttestjat iktar biex l-awtoritajiet jiskopru f’iktar dettall x’ingredjenti ntużaw biex sar.
//= $special ?>