Lokali

Iktar minn 19% tal-kunsilliera lokali eletti huma nisa

Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li għadhom kemm seħħew, kien hemm żieda ta’ 1.22% fl-ammont ta’ nisa eletti fuq l-istess elezzjonijiet fl-2012.

Skont il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), minn total ta’ 224 kunsillier elett, 43 kienu nisa jew 19.2% tal-kandidati kollha eletti.

Il-Kummissjoni qalet ukoll li minn stħarriġ li għamlet hi ħareġ li l-possibiltà li nisa jiġu eletti timxi b’mod proporzjonali mal-persentaġġ ta’ kemm fil-fatt in-nisa jikkontestaw. Spjegat li fl-2015, il-kandidati kollha nisa kienu jiffurmaw 20.37% ta’ dawk kollha li kkontestaw l-elezzjonijiet lokali.

L-NCPE laqgħet iż-żieda fin-numru ta’ nisa eletti iżda qalet li jeħtieġ li l-partiti politiċi jintegraw iktar nisa fl-istrutturi tagħhom u fil-livelli kollha biex iħajru iktar nisa jikkontestaw elezzjonijiet. Spjegat li hu importanti li jissaħħu l-istrutturi ta’ sostenn, mill-partiti politiċi u minn oħrajn, fosthom is-servizzi ta’ childcare u servizzi simili.

Il-Kummissjoni spjegat li bħalissa qed ittemm il-ħidma tagħha fuq il-ħolqien tad-Direttorju ta’ Nisa Professjonisti li għandu jgħin biex iktar nisa jiġu kkunsidrati għal karigi importanti fil-pajjiż.